gov.mt

pr212077

PR212077

18/11/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR, MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET


Tliet proġetti ġodda f’Ħaż-Żabbar se jibdlu postijiet urbani f’żoni ta’ tħaddir fi Triq is-Santwarju, Triq Biċċieni u Triq Santa Duminka. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

Il-proġett li se jitwettaq fi Triq is-Santwarju jikkonsisti f’feature wall bl-ilma kif ukoll green walls, qsari u tħawwil ta’ siġar, filwaqt li l-proġetti ppjanati għal Triq Biċċieni u għal Triq Santa Duminka ħa jsebbħu l-parkeġġ eżistenti bl-introduzzjoni ta’ green roofs.

Dawn il-proġetti saru bil-ħsieb li jirrispettaw l-użu tal-ispazji miftuħa kemm bħala żoni ta’ parkeġġ kif ukoll għal użu ieħor fejn fost l-oħrajn isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa lokali. Dan minbarra li se jkunu wkoll qed jipprovdu spazju ieħor ta’ rikreazzjoni għar-residenti stess. Dawn il-proġetti se jinkludu wkoll l-użu ta’ pavimentar speċjali għall-parkeġġi li jirrispetta l-ambjent. 
 
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan huwa proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti ta’ GreenServ Malta mmirati biex iħaddru l-ispazji fil-lokalitajiet tagħna u biex intejbu l-kwalità ta’ ħajja tar-residenti u tal-madwar. Dawn il-proġetti, li jinkludu oħrajn fil-Ħamrun, il-Mosta u f’Ħal Qormi, ħa jwasslu għal numru ta’ benefiċċji oħra fosthom nuqqas fl-emissjonijiet ta’ greenhouse gases u tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u tal-istorbju. Għalhekk dawn il-proġetti se jkollhom impatt pożittiv kemm fuq is-saħħa tar-residenti kif ukoll fuq il-kwalità tal-arja.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li dan il-proġett bħal ħafna oħrajn ikompli juri l-impenn sħiħ li dan il-gvern għandu biex ikompli jsebbaħ in-Nofsinhar ta’ pajjiżna. L-irħula tan-naħa ta’ isfel jikkontribwixxu ħafna ekonomikament u bħala gvern se nkomplu naraw li dawn jingħataw l-importanza meħtieġa kemm fl-aspett ambjentali kif ukoll dak soċjali. Il-Ministru Caruana qal li dan il-proġett jikkumplimenta proġetti oħra madwar din iż-żona fosthom proġett ta’ madwar €12-il miljun fl-infrastruttura tat-toroq residenzjali kif ukoll il-proġett ta’ afforestazzjoni fil-Park tal-Inwadar li tħabbar fil-baġit li għadda b’investiment ta’ madwar €20 miljun.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan huwa proġett ieħor iffinanzjat mill-NSDF. Spjega li l-proġett ta’ tħaddir imħabbar f’Ħaż-Żabbar mhux wieħed iżolat imma parti minn proġetti oħra ta’ tħaddir urban fil-Mosta, fil-Ħamrun u f’Ħal Qormi, b’valur totali ta’ €4.5 miljun. “L-NDSF teżisti biex ittejjeb is-soċjetà permezz ta’ fondi li tirċievi minn programmi ta’ residenza li jistgħu jwasslu għaċ-ċittadinanza”, spjega s-segretarju parlamentari. Temm jenfasizza fuq l-impenn tiegħu biex ikompli jsir investiment fil-komunità.