gov.mt

pr220079

PR220079

20/01/2022

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Komunità Malta


L-Aġenzija Komunità Malta twaqqfet fl-2020, biex tara li l-funzjonijiet li jappartjenu għall-għoti taċ-ċittadinanza permezz ta' investiment ekonomiku u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija jitwettqu minn entità waħda.

 

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Komunità Malta Joseph Mizzi, enfasizzaw il-kisbiet ewlenin tal-aġenzija sa mill-bidu tagħha.

 

Minn mindu ġiet stabbilita l-għotja taċ-ċittadinanza b'investiment, l-inizjattiva ġġenerat €1,130,825,000 f'kontribuzzjonijiet gross li saru mill-applikanti lill-Gvern ta' Malta, li minnhom €616,427,599 ġew trasferiti lill-NDSF, u €388,529,774 ġew trasferiti lill-Fond Konsolidat. Aktar minn €1.8 miljun ġew mogħtija minn applikanti li ntgħażlu fil-programm IIP lill-NGOs lokali sal-aħħar tas-sena 2021. Dawn l-NGOs ivarjaw, biex jinkludu: l-Arċidjoċesi ta' Malta, entitajiet reliġjużi, entitajiet li jaħdmu biex jissalvagwardjaw l-annimali, każini tal-baned, inizjattivi kulturali, kawżi ambjentali, diversi kunsilli lokali, inizjattivi relatati mal-mużika, klabbs sportivi, President's Foundation for the Wellbeing of Society, dipartimenti li jappartjenu lill-Università ta' Malta, u entitajiet li jaħdmu favur l-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa.

 

L-aġenzija kontinwament tistinka biex tkompli tiġġenera aktar dħul għall-benessri ekonomiku u soċjali ta' Malta. Komunità Malta appoġġat numru ta' proġetti relatati ma' għanijiet soċjali jew filantropiċi li huma kkunsidrati ta' importanza nazzjonali. L-ammonti jitħallsu mill-profitti magħmula mill-Aġenzija Komunità Malta, kif previst fil-leġiżlazzjoni relattiva li tistabbilixxi l-aġenzija, li daħlet fis-seħħ f'Novembru 2020. Dawn il-proġetti jinsabu f'Tabella 1.

 

L-ewwel sena tal-Aġenzija Komunità Malta kienet karatterizzata minn numru ta' sfidi u opportunitajiet. Wara l-Emendi għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, l-aġenzija kompliet tindirizza l-iżbilanċ soċjali li bih tfal imwielda barra ż-żwieġ ta' missier Malti ma kinux jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija awtomatikament mat-twelid, bħal fil-każ ta' tfal imwielda f'ċirkostanzi simili għal omm Maltija. L-att relattiv assigura wkoll li minkejja li ċ-ċittadinanza tista' tingħata bi dritt permezz ta' reġistrazzjoni, tali għotja ssir kondizzjonali għal kunsiderazzjonijiet li huma fl-interess pubbliku.

 

Aktar tard minn meta twaqqfet l-aġenzija, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-Programm tal-Investitur Individwali ġiet sostitwita bir-Regolamenti dwar l-Għotja ta' Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali, biex jiġi żgurat li jinkiseb bilanċ akbar bejn l-għoti ta' dritt daqshekk importanti bħaċ-ċittadinanza, u l-kundizzjonijiet relatati mal-investiment u residenza.

 

Matul l-2021, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza ffinalizza l-ipproċessar ta' 1,563 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' persuni bħala ċittadini Maltin. Applikazzjonijiet bħal dawn jikkonċernaw persuni li għandhom id-dritt li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija abbażi ta' dixxendenza, u b'hekk igawdu d-dritt ta' moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea. L-iktar nazzjonalitajiet b'persuni li kisbu ċ-ċittadinanza bir-reġistrazzjoni kienu Brittaniċi, Awstraljani, Amerikani, Kanadiżi u Franċiżi. Fid-dawl ta' Brexit, l-aġenzija kompliet tirċievi żieda fin-numru ta' applikazzjonijiet minn ċittadini Brittaniċi ta' dixxendenza Maltija, jew konjugi ta' ċittadini ta' Malta. Matul l-aħħar tliet snin, ċittadini Brittaniċi kienu fuq quddiem fil-lista tan-numru ta' applikanti għar-reġistrazzjoni bħala ċittadini ta' Malta, li jammontaw għal 20 - 35% ta' dawn l-applikazzjonijiet.

 

L-Aġenzija Komunità Malta tipproċessa wkoll applikazzjonijiet għan-naturalizzazzjoni. Tali applikazzjonijiet jiġu sottomessi prinċipalment minn migranti. L-għotja hija diskrezzjonali u matul is-sena li għaddiet, ġew approvati 785 talba ta' naturalizzazzjoni.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' Komunità Malta, Joe Mizzi, irringrazzja lill-ħaddiema tal-aġenzija talli wieġbu b'mod diliġenti u effiċjenti għaċ-ċirkostanzi kollha, inkluża pandemija globali. Huwa ddeskriva din is-sena bħala waħda li tippreżenta l-isfidi u l-opportunitajiet uniċi tagħha.

 

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat faħħar lill-ħaddiema ta' Komunità Malta għax-xogħol dedikat tagħhom matul is-sena li għaddiet. “L-ammont ta' dħul iġġenerat fl-ekonomija Maltija, u n-numru konsiderevoli ta' istituzzjonijiet li ġew assistiti finanzjarjament jitkellmu waħedhom. Entitajiet bħal dawn ma jkunux jistgħu jirrealizzaw il-ħolm tagħhom, kieku ma kienx għall-injezzjonijiet finanzjarji li bidlu l-kunċetti f'realtà", qal is-segretarju parlamentari.

 

Tabella 1

 

ProġettAmmont Approvat (€)
Malta Libraries10,000
Association of Abandoned Animals20,000
Fgura Local Council90,000
Malta Tourism Authority & Malta Aviation Society (Airshow)50,000
Tarxien Local Council89,500
Animal Welfare15,000
Bormla Local Council & Bormla Branch Library2,000
Malta Police Force100,000
Malta Housing Authority (250k for three years)750,000
Rabat Local Council100,000
Malta Police Force (115k for three years)345,000
Maria Regina College, Wardija Resource Centre40,000
Maria Regina College, St Pauls Primary35,000
Maria Regina College, Naxxar Middle School30,000
TOTAL1,676,500​