gov.mt

pr220261

PR220261

24/02/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U KOMUNITAJIET Investiment ta’ €1.6 miljuni għal Ċentru tas-Saħħa kompletament rinovat fil-Gżira

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Kommunitajiet Alex Muscat fetħu mill-ġdid iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira li għal dawn l-aħħar xhur kien magħluq biex fih setgħu isiru xogħolijiet strutturali u ta' rinovazzjoni.  L-investiment f'dan iċ-ċentru tas-saħħa kien ta' €1.6 miljuni, fondi NDSF li jinkludi wkoll magna tal-X-ray ġdida u l-installazzjoni ta' lift.

 

Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira jilqa' għall-ħtiġijiet primaji tas-saħħa ta' 95,000 persuna li joqogħdu l-Gżira, Msida, Ta' Xbiex, Kappara, Sliema, Ibragg, San Ġiljan, Pembroke, Swieqi u San Ġwann. F'dan iċ-ċentru se jkunu offruti diversi servizzi, fosthom dak tat-tabib u infermiera, teħid tad-demm, kura tas-saqajn, klinika għad-dijabete, klinika għall-kura tal-għajnejn u klinika għas-saħħa mentali fost oħrajn. Se jkunu qegħdin jiddaħħlu servizzi kompletament ġodda għaċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, il-well baby clinic, postnatal clinic u servizzi ta' fiżjoterapija.

 

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema tal-FMS u Primary Healthcare li b'ħidma konġunta bejniethom kien possibli li dan ċ-Ċentru tas-Saħħa jerġa' jiftaħ il-bibien tiegħu b'dehra kompletament ġdida u b'numru ferm ikbar ta' servizzi mogħtija. “Nibqgħu kommessi biex inżidu aktar servizzi fil-komunità qrib in-nies, u dan mhux biss billi nsebbħu u nimmodernizza ċ-Ċentri tas-Saħħa eżistenti, iżda wkoll billi naraw li jkollna berġa f'kull belt jew raħal. Diġà ftaħna 15 minn dawn il-bereġ, b'dik ta' Marsaskala, Tarxien, Ta' Giorni u Ħamrun jinsabu fi stadju avvanzat," qal id-Deputat Prim Ministru.

 

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li ċ-Ċentru tas-saħħa tal-Ġżira huwa parti minn kullana ta' investimenti biex inwasslu servizzi ta' saħħa fil-qalba tal-belt jew raħal u huwa wieħed minn 15-il Ċentru tas-Saħħa li ġew miftuħa madwar Malta u Għawdex, b'investiment ta' €1.6 miljun. “Dan mhux l-unika investiment li qed nagħmlu fis-saħħa. Qed ninvestu wkoll fil-kunċett ta' urban greening. Nafu kemm spazji ħodor miftuħa jgħinu kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali. L-investiment li qed inħabbru llum huwa turija ċara oħra ta' kif qed noħolqu ġid li qed jasal fil-komunità", stqarr is-Segretarju Parlamentari Muscat.

 

Imħabbra iżjed dati ta' rilaxx tal-miżuri restrittivi

 

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru saħaq li s-sitwazzjoni fl-isptarijiet u fil-komunità hija taħt kontroll, u li dan huwa riżultat dirett t'iktar minn miljun u mitejn elf doża tal-vaċċin ta' kontra l-COVID-19 li ngħatat mill-bidu tal-pandemija. Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru Fearne rrimarka li Malta għandha l-ogħla rata t'adulti mlaqqma bil-booster, b'80%, u li din ir-rata se tippermetti r-rilaxx t'iżjed miżuri restrittivi.

 

Hu ħabbar li mit-Tnejn 7 ta' Marzu 2022, kuntatti primarji ta' persuni pożittivi mhumiex se jkunu obbligati jagħmlu kwarantina jekk ikunu fil-pussess ta' ċertifikat validu tal-vaċċin, filwaqt li l-kwarantina mandatorja tal-persuna pożittiva u tal-persuni li jgħixu fl-istess residenza se tinżel għal 7 ijiem, kemm-il darba dawn il-persuni jkunu fil-pussess ta' ċertifikat validu tal-vaċċin u jagħmlu test li jirriżulta fin-negattiv.

 

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li mis-7 ta' Marzu 2022 wkoll se titneħħa l-kwarantina mandatorja ta' kuntatti sekondarji li mhumiex ivvaċċinati, filwaqt li l-kwarantina ta' kuntatti primarji li mhumiex ivvaċċinati se tinżel għal 5 ijiem b' test negattiv fl-aħħar jum. Hu ta l-eżempju ta' tfal li għandhom inqas minn 5 snin u li għalhekk ma jistgħux jitlaqqmu, li jkunu meħtieġa jagħmlu kwarantina minħabba każ pożittiv fil-klassi, u li mis-7 ta' Marzu l-perjodu ta' kwarantina se jonqos għal 5 ijiem.

 

Il-kwarantina marbuta mal-ivjaġġar minn pajjiżi tal-lista l-ħamra skura, mis-7 ta' Marzu 2022, se tonqos għal 7 ijiem b' test negattiv fl-aħħar jum. Fuq rakkomandazzjoni tal-Unjoni Ewropea, mis-7 ta' Marzu wkoll, Malta se tibda tirrikonoxxi l-vaċċini approvati mill-World Health Organization (WHO) anke jekk mhumiex approvati mill-EMA, bħat-tilqima tad-ditta Sinopharm u Covishield. Dan sakemm iċ-ċertifikat ikun rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika u jiġi ppreżentat PCR test negattiv mal-wasla f' pajjiżna.

 

Dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tar-ristoranti u barijiet, id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mis-7 ta' Marzu dawn jistgħu jmorru lura għall-ħin tal-għeluq kif permess mil-liċenżja tal-istabbiliment.

 

Id-Deputat Prim Ministru fakkar kif mill-14 ta' Marzu 2022 se jitneħħa l-obbligu tal-użu tal-maskra fuq barra u stqarr li qed tkun analizzata l-użu tal-maskri fuq ġewwa. Huwa qal li jekk is-sitwazzjoni tibqa' stabbli, wara l-vaganzi tal-Għid, hemm il-possibilità li jitneħħa l-obbligu tal-użu tal-maskri fl-iskejjel.

 

Dwar avvenimenti organizzati bil-wieqfa, id-Deputat Prim Minsitru sostna li min-nhar Tnejn 11 t' April 2022, se jkunu permessi attivitajiet bilwieqfa. Fil-każ t'attivitajiet fil-miftuħ mhuwiex se jkun obbligatorju li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-vaċċin, filwaqt li għal attivitajiet fuq ġewwa ċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun mandatorju. Din il-miżura se tapplika ukoll għat-tiġijiet, li mill-1 t'April se jkunu permessi li jsiru bilwieqfa sa massimu ta' 300 persuna.​