gov.mt

pr220281

PR220281

28/02/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Madwar 2,500 siġra, arbuxell u pjanti fi proġett ta’ tħaddir fil-Ħamrun

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa f’Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919 fil-Ħamrun. 

Hawnhekk tħawlu arbuxelli li se jkunu qed jagħmlu parti mir-roof garden li se jokkupa mal-500 metru kwadru. 

F’dan il-ġnien, flimkien mal-ġnien vertikali u ġnien li se jkun fil-parti ta’ isfel tal-proġett, se jkun hemm madwar 2,500 siġra, arbuxell u pjanti. Fil-fatt, diġà qed jispikkaw in-numru ta’ siġar maturi tal-ħarrub, taż-żebbuġ u tal-ballut fost l-oħrajn, li issa ser jibdew isaħħru din il-pjazza fil-Ħamrun. Dawn se jassorbu mad-900 kilogramma tad-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera filwaqt li se jipproduċu mas-660 kilogramma ta’ ossiġnu ekwivalenti għal 67 siġra. 

Bħalissa, qed jitħawlu 700 siġra, arbuxella u pjanta fuq ir-roof garden.

Il-Ministru Farrugia qal li din il-pjazza li kienet tintuża biss għall-parkeġġ se tissebbaħ permezz ta’ roof garden, ġnien vertikali u anke lift sabiex tkun aċċessibbli għal kulħadd. Dan kollu filwaqt li ser jinżamm l-istess spazju ta’ parkeġġ. Qal li dan il-proġett se jiswa madwar €1.5 miljun u se joffri spazju aħdar miftuħ biex b’hekk inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti li joqogħdu f’din iż-żona urbana. Dan il-proġett mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin. Il-Ministru Farrugia qal ukoll li qed iħares ’il quddiem għal iktar proġetti ta’ dan it-tip.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li dan il-proġett jagħmel parti minn sensiela ta’ proġetti simili ta’ tħaddir li qed jitwettqu fil-Mosta, f’Birkirkara, f’Ħal Qormi u f’Ħaż-Żabbar. Żied jgħid li dawn il-proġetti huma possibbli grazzi għall-għaqal li ħadem bih il-gvern biex attira l-investiment dirett barrani. Qal ukoll li għalkemm il-bżonn ta’ dawn il-proġetti ħadd ma jista’ jmerih, jibqa’ l-fatt li biex isiru realtà, dawn il-proġetti jeħtieġu jkunu finanzjati. “Permezz tal-investiment dirett barrani, dawn il-lokalitajiet se jkollhom pulmu​n aħdar, mingħajr ebda piż fuq it-tax payer”.

Dan hu wieħed minn diversi proġetti ta’ tħaddir fl-urban implimentati minn GreenServ u li qegħdin fi stadju avvanzat, filwaqt li għaddejjin il-preparamenti għat-tisqif tal-mini ta’ Santa Venera kif ukoll il-proġett maġġuri ta’ Triq Sant’Anna.

Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.