gov.mt

pr220340

PR220340

10/03/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET Inawgurata klinika komunitarja tas-saħħa f'Marsaskala



 

Min-nhar it-Tnejn, madwar 15,000 resident f'Marsaskala se jkun jista' jaċċessa servizzi tas-saħħa primarja f'Marsaskala stess. Din il-berġa ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

 

F'din il-berġa, minnbarra s-servizz ta' tabib u infermier, se jkunu qed jiġu offruti wkoll servizzi ta' podiatrija, fiżjoterapija, speech and language pathology u teħid tad-demm. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li din hija waħda minn 17-il berġa li saru madwar Malta u Għawdex fl-aħħar sentejn. “Aħna kommessi li jkollna klinika komunitarja tas-saħħa f'kull belt u raħal f'pajjiżna b'uħud minnhom bħal dawk ta' Ħal Tarxien, Ta' Ġiorni u l-Ħamrun se jkunu jistgħu jibdew joperaw fil-ġimgħat li ġejjin," qal id-Deputat Prim Ministru.

 

Huwa fakkar li anke fiż-żjara tiegħu f'pajjiżna l-ġimgħa li għaddiet id-Direttur għar-Reġjun tal-Ewropa tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa Hans Kluge faħħar l-impenn tas-servizz tas-saħħa f'pajjiżna inkluż l-aċċessibbiltà fil-komunitajiet għas-servizzi tas-saħħa.

 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li permezz ta' dan l-investiment mhux biss issa se jkunu qegħdin jiżdiedu s-servizzi f'dan iċ-ċentru kommunitarju tas-saħħa,  iżda l-pazjenti kif ukoll il-ħaddiema se jkollhom ambjent aktar modern u komdu f'din il-klinika. Investiment li b'kollox ilaħħaq l-€10 miljun f'investiment fil-qasam tas-saħħa primarja, direttament fil-komunitajiet tagħna, investiment fis-saħħa tagħna u fin-nies.

 

 

150 pellett ta' għajnuna lejn l-Ukrajna

 

Id-Deputat Prim Ministru elenka wkoll l-għajnuniet li pajjiżna se jkun qed jipprovdi vis-à-vis l-Ukrajna. Huwa semma kif fil-ġranet li ġejjin se jintbagħtu lejn l-Ukrajna 150 pellet mimlija b'tagħmir mediku, ilbies protettiv u mediċini lejn l-Ukrajna. Dan qed isir b'ħidma koordinata bejn ic-CPSU fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Protezzjoni Ċivili.

 

Malta se tkun qed tgħin ukoll ċittadini Ukreni morda bil-kanċer. Dan il-programm se jkun ikkordinat mill-aġenzija Ewropea HERA. Malta se tkun qed toffri wkoll numru ta' test kits u vaċċini kontra l-Covid-19 lill-Għaqda Dinijia tas-Saħħa biex jingħataw lill-Ukrajna. 

 

Malta se tkun ukoll qed tgħin pazjenti bil-kanċer Ukreni li se jingħataw kura f'Londra billi tospithom fl-akkomodazzjoni ta' Puttinu Cares.

​