gov.mt

pr220596

PR220596

11/05/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL: Ħlas ta’ taxxi li kienu eliġibbli taħt il-miżura tad-Differiment tat-Taxxa




Bħala parti mill-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja għal waqt il-pandemija tal-COVID-19, f’Marzu 2020, il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol nieda l-Iskema ta’ Posponiment tal-Ħlas tat-Taxxi sabiex jgħin lill-kumpaniji u negozji jtaffu mid-diffikultajiet ta’ likwidità.

Din il-miżura ġiet estiża sa Diċembru 2021, bl-eċċezzjoni tat-taxxi mħallsa minn min iħaddem, taħt is-sistema tal-FSS.

Il-Kummissarju tat-Taxxi jħabbar li l-benefiċjarji ta’ din l-Iskema ta’ Differiment tat-Taxxa se jingħataw il-possibbiltà li jħallsu t-taxxi li kienu eliġibbli taħt din il-miżura fuq perjodu ta’ 30 xahar, sal-aħħar ta’ Diċembru 2024. L-ewwel ammont jibda jitħallas f’Ġunju 2022, b’pagamenti kull xahar. Matul dan il-perjodu l-imgħax fuq it-taxxi differiti jiġi ffriżat.

F’każ li l-benefiċjarji ma jagħmlux dan sal-aħħar ta’ Diċembru 2024, il-benefiċċju mogħti taħt l-Iskema ta’ Differiment tat-Taxxa jista’ jintilef u l-imgħax jerġa’ jiġi dovut fuq l-ammont li ma jkunx tħallas daqs li kieku l-iskema ma kinitx tapplika.

Matul dan il-perjodu, in-negozji huma mistennija jħallsu wkoll it-taxxi tal-perjodi kurrenti.

F’dawk il-każijiet fejn in-negozji għandhom bilanċi ta’ perjodi oħra dovuti li mhumiex koperti taħt l-iskema tat-taxxi differiti, dawn ukoll iridu jiġu mħallsa sa Diċembru 2024, sakemm ma hemmx ftehim differenti mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi. 

Dawk l-individwi jew entitajiet kummerċjali li għandhom xi diffikultà biex jagħmlu dan huma mħeġġa sabiex jersqu ‘l quddiem u jitkellmu mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi.

Ser ikunu qed isiru wkoll laqgħat informattivi ma’ dawk l-imsieħba kollha interessati sabiex jiġi spjegat aħjar kif se jkun qed jitħaddem dan il-proċess. 

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jċempel fuq 144 jew jibgħat email fuq servizz@gov.mt.