gov.mt

pr220700

PR220700

25/05/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-L-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Gradwati bil-Baċellerat fl-Inġinerija mill-MCAST, issa eliġibbli għall-warrant

Il-Bord tal-Inġinerija approva l-erba’ programmi ta’ Baċellerat fl-Inġinerija offruti mill-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST). Għalhekk, l-istudenti kollha li bħalissa jinsabu f’dawn il-korsijiet, issa se jkunu eliġibbli biex japplikaw għal warrant tal-inġinerija. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi. 


“Dan huwa pass importanti mhux biss għall-istudenti fil-programmi ta’ Baċellerat fl-Inġinerija, imma wkoll għall-MCAST, li qed ikompli jistabbilixxi ruħu bħala sieħeb ewlieni u stakeholder fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-pajjiż,” qal il-Ministru Grima. Huwa qal li, “Matul is-snin, l-MCAST investa kontinwament f’tagħmir, inkluż investiment ta’ €7 miljun f’bini ġdid u modern għall-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport li kien inawgurat fis-snin riċenti”.

Fl-2020, il-Bord tal-Inġinerija ħatar lill-aġenzija Ġermaniża tal-assigurazzjoni tal-kwalità ASIIN biex tivverifika l-korsijiet tal-inġinerija tal-kulleġġ. Wara proċess rigoruż u riżultati pożittivi tal-awditjar, il-Bord tal-Inġinerija informa lill-Kulleġġ li qabel mal-konklużjonijiet tal-ASIIN u qed japprova l-programmi l-ġodda tal-BEng (Hons.) offruti mill-MCAST.

Dan huwa pass pożittiv u deċiżiv għad-90 student tal-inġinerija attwali tal-Kulleġġ. Fl-2021, l-MCAST kien ħabbar li l-istudenti tal-inġinerija tal-MCAST li gradwaw qabel l-2022 ikunu eliġibbli biex japplikaw għal warrant ladarba jkunu temmew il-Pre-Warrant Qualification Course (PWQC). Dan l-iżvilupp issa jfisser li gradwati ġodda se jkunu eliġibbli biex japplikaw għall-warrant mingħajr il-kors addizzjonali. Mill-ewwel studenti li daħlu fl-2013, il-Kulleġġ irreġistra 307 gradwat tal-inġinerija. Aktar minn 90% ta’ dawn il-gradwati huma f’impjieg full-time u jaħdmu f’setturi relatati direttament mal-istudji tagħhom.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fisser kif l-inġiniera jagħtu kontribut siewi fl-iżvilupp ta’ pajjiżna. Il-Ministru faħħar il-ħidma tal-MCAST li, kif dejjem sar fis-snin fl-imgħoddi, se jkompli jkun strumentali biex pajjiżna jkollu aktar professjonisti li se jikkontribwixxu b’mod pożittiv fl-industrija u fis-soċjetà tagħna.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif wara ħidma estensiva, dawn l-istudenti se jkunu eliġibbli għal warrant taħt il-liġi ta’ Malta biex jaħdmu f’din il-professjoni.

L-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport (IET) tal-MCAST joffri erba’ programmi differenti: il-Baċellerat fl-Inġinerija (Hons) f’Electronics Engineering; il-Baċellerat fl-Inġinerija (Hons) f’Electronics and Control Engineering, il-Baċellerat fl-Inġinerija (Hons) f’Mechanical Engineering (Manufacturing) u l-Baċellerat fl-Inġinerija (Hons) f’Mechanical Engineering (Plant). L-istitut joffri 50 kors f’livelli differenti u li huma mfassla u mogħtija b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija. Hemm ukoll korsijiet ta’ Master fil-Mekatronika, l-Inġinerija Mekkanika u l-Inġinerija Aerospazjali.

Il-Professur Joachim James Calleja, Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, qal, “Din hija kisba sinifikanti għall-gradwati tagħna li jistgħu japplikaw direttament għal kunsiderazzjoni biex jingħataw il-warrant tal-Inġinerija meta jwettqu r-rekwiżiti kollha inkluż l-esperjenza fuq post tax-xogħol. Dawn issa se jkunu wkoll fuq l-istess livell ma’ dawk li jsegwu programmi ta’ istituzzjonijiet approvati oħra. L-istudenti tal-lum huma l-inġiniera u l-mexxejja ta’ għada li se jikkontribwixxu b’mod pożittiv għas-soċjetà tagħna.”