Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett ipparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea responsabbli mill-Fondi Ewropej u Politika ta' Koeżjoni, fil-Lussemburgu.
Waqt il-laqgħa ġew diskussi l-konklużjonijiet li ħarġu mit-tmien rapport tal-'Cohesion in Europe towards 2050'. Fl-ewwel indirizz tiegħu lill-Kunsill tal-Ministri, Dr Bonett faħħar ix-xogħol tal-Kummissjoni Ewropea li qiegħda tinkoraġġixxi riflessjoni fuq il-prijoritajiet u l-oġġettivi tal-politika ta' Koeżjoni Ewropea wara l-2027.
Dr Bonett enfasizza li l-politika ta' koeżjoni tista' tkun aktar relevanti għal ħajjet in-nies jekk tiffoka aktar fuq il-ħtiġijiet u l-isfidi individwali li jiffaċċja kull stat membru tal-Unjoni Ewropea, li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Huwa saħaq dwar il-bżonn li l-fondi Ewropej ikunu aktar aċċessibbli b'regoli sempliċi u adattati għal pajjiżna sabiex nagħmluha aktar faċli għan-negozji u għall-għaqdiet volontarji biex japplikaw u jieħdu l-fondi għall-proġetti tagħhom.
Il-Kunsill tal-Ministri ddiskuta wkoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u kif jistgħu jinsabu metodi biex il-politika ta' koeżjoni tassisti fl-isfond tal-influss ta' refuġjati li qed jiżdied fil-Lvant tal-Unjoni Ewropea minħabba l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Dr Bonett appella biex is-solidarjetà ma ssirx biss bil-kliem imma b'azzjonijiet konkreti.
Dr Bonett kellu laqgħa informali mal-Kummissarju Ewropew għall-Politika ta' Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira. F'din il-laqgħa kordjali, iż-żewġ naħat qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-prijoritajiet li elenkat Malta fil-programm operattiv għal fondi Ewropej 2021-2027. Il-Kummissarju Ferreira faħħret il-ħidma li qed iwettaq il-Gvern Malti u qablu li jkun hemm aktar laqgħat fiż-żmien li ġej sabiex pajjiżna jibda jimplimenta l-programmi operattivi 2021-2027 u jassigura li nużaw il-fondi kollha għad-dispożizzjoni sabiex isiru aktar proġetti ambjentali u infrastrutturali biex il-pajjiż ikompli fit-triq tas-suċċess f'dan il-qasam.