gov.mt

pr220755

PR220755

08/06/2022

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-Mużew Ekkleżjastiku fil-Mellieħa


Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-Mużew Ekkleżjastiku fil-Mellieħa, hekk kif tlesta aktar minn nofs il-proġett. Ix-xogħlijiet fuq dan il-mużew mistennija jkunu lesti sal-aħħar tas-sena. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett flimkien mas-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta' Malta Michael Pace Ross u l-Arċipriet tal-Mellieħa Fr Joe Caruana żaru dawn ix-xogħlijiet fil-binja tal-Pellegrini fil-Mellieħa.

 

Dan il-proġett qiegħed isir mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta' Malta b'investiment ta' kwazi €300,000, iffinanzjat parzjalment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

 

Ġie spjegat li fl-imgħoddi din il-binja kienet tintuża bħala post ta' mistrieħ mill-pellegrini li kienu jiġu jżuru l-Madonna tal-Mellieħa wara vjaġġ twil ħafna, meta ma kienx hawn mezzi tat-trasport kif għandna llum. Din il-binja qiegħda tiġi ttrasformata fl-ewwel Mużew Ekkleżjastiku fil-Mellieħa. Għaldaqstant, bħalissa għaddej xogħol infrastrutturali minħabba li l-kmamar kienu fi stat ta' deterjorament.

 

Il-viżitaturi li se jżuru dan il-mużew se jkunu jistgħu jaraw l-istorja tas-Santwarju tal-Mellieħa u se jkun hemm esebiti oġġetti ekkleżjastiċi u għamara antika li kienu jintużaw fis-Santwarju, fosthom pulptu u konfessjonarju antik. Se jkun hemm ukoll kommemorazzjoni ta' affarijiet ekkleżjastiċi li ntużaw fiż-żjara ta' San Papa Ġwanni Pawlu II f'Mejju tal-1990, fosthom is-sedja li ntużat waqt iż-żjara papali.

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett stqarr kif la jitlesta dan il-mużew se jiżdied bħala attrazzjoni turistika oħra f'din il-lokalità u se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Mellieħa bħala ċentru turistiku. Dr Bonett qal li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qed jiġu investiti €4 miljun sabiex jintużaw mill-Arċidjoċesi ta' Malta sabiex twettaq proġetti ta' restawr fuq tlieta u tletin paroċċa f'Malta, fosthom dan il-proġett. L-għan huwa li titwettaq primarjament konservazzjoni u restawr tal-wirt kulturali ekkleżjastiku.

 

Is-Sur Michael Pace Ross qal li permezz ta' dan il-proġett, li għalih qed jikkontribwixxu wkoll il-Melliħin, il-Knisja qiegħda tagħti ħajja ġdida lil dan il-post storiku. Huwa saħaq li binjiet bħal dawn għandhom jiġu restawrati u jinbidel l-użu tagħhom biex ikunu adattati għaż-żmien tal-lum.

 

Fr Joe Caruana rringrazzja lill-parruċjani tal-Mellieħa li bid-donazzjoni tagħhom, kif ukoll permezz tal-fondi Ewropej, fil-Mellieħa se jkun hemm dan il-mużew li se jkun attrazzjoni għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-istorja tal-knisja. ​