It-tielet sejħa għall-applikazzjonijiet tal-Iskema Ta’ Għotjiet Żgħar minn Fondi Norveġiżi għall-kunsilli lokali ġiet imnedija dalgħodu mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett. Din l-iskema hija indirizzata għal dawk il-kunsilli lokali li huma meqjusa urbani. L-għan prinċipali tagħha huwa li toffri opportunità li jitwettqu proġetti li jindirizzaw sfidi bħal riġenerazzjoni fiżika, ekonomika u soċjali f’lokalitajiet urbani.
Għal din is-sejħa ġew allokati €215,000 u kull proġett jista’ jibbenefika minn minimu ta’ €25,000 sa massimu ta’ €100,000. Din l-iskema hija ffinanzjata mill-pakkett finanzjarju imsejjaħ EEA Norway Grants b’fond ta’ €1,000,000 li kien alloka l-Gvern fl-2017 għall-kunsilli lokali li huma meqjusa urbani. Dan sar biex ikun hemm bilanċ mal-iskema disponibbli għall-kunsilli lokali rurali bl-isem European Agricultural Fund for Rural Development.
Fl-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat kif din l-iskema tgħin lill-kunsilli lokali jtejbu l-iżvilupp urban permezz ta’ proġetti li jindirizzaw l-ambjent fiżiku kif ukoll l-isfidi soċjali u edukattivi tar-residenti tal-lokal. “Inħeġġeġ lill-kunsilli lokali urbani sabiex japplikaw għal din l-iskema, għaliex b’dawn il-fondi jista’ jsir biss ġid lil-lokalitajiet tagħna u titjib fil-ħajja tar-residenti,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li l-finazjament ta’ din l-iskema qiegħed isir minn fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja. Huwa sostna li qed jallokkaw dawn il-fondi wara li pajjiżna ngħata €8 miljun u permezz ta’ dawn il-fondi qed jitwettqu proġetti soċjali li jkomplu jibbenefikaw minnhom il-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll qed ikomplu jittejbu l-lokalitajiet tagħna.
Illum saret ukoll sessjoni ta’ taħriġ għall-project leaders li jinkludi Manual of Procedures għall-implimentazzjoni tal-proġetti. L-għan ta’ dan it-taħriġ kien sabiex il-project leaders ikollhom l-għarfien amministrattiv meħtieġ biex iwettqu l-proġetti magħżula b’mod sodisfaċenti.