gov.mt

pr221043

PR221043

05/08/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: S’issa bbenefikaw aktar minn 5,000 student mill-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC


​Għad-disa’ sena konsekuttiva qed jerġgħu jsiru l-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC, inizjattiva bla ħlas ta’ Jobsplus taħt il-Youth Guarantee Project, iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva hija mmirata għall-istudenti li se jkunu qed jagħmlu r-resit tal-Livell Ordinarju f’Settembru fil-bijoloġija, fl-Ingliż, fil-Malti, fil-matematika u fil-fiżika.

“Din l-inizjattiva għandha l-għan li ninkoraġġixxu lil dawk li ma laħqux it-tragward mixtieq f’dawn is-suġġetti, biex ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu għaddejjin bl-edukazzjoni tagħhom”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Ricerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, meta żar waħda mill-klassijiet flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

L-istudenti li qed jagħmlu dawn il-Klassijiet ta’ Reviżjoni qed jingħataw lezzjonijiet bla ħlas minn għalliema, kemm online jew fi klassi. Matul il-lezzjonijiet ikollhom aċċess għal vidjows u testijiet tat-tagħlim online u jingħataw past papers ukoll bla ħlas.

Il-lezzjonijiet bdew mit-Tnejn 25 ta’ Lulju u jibqgħu għaddejjin fuq medda ta’ ħames ġimgħat f’4 ċentri madwar Malta u ċentru f’Għawdex. L-istudenti setgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti, inkluż wieħed tax-xjenza.

“Din l-għajnuna li qed nagħtu hija investiment għaliex aħna rridu li ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna li huma l-preżent u l-futur tas-soċjetà, biex insaħħu kemm l-industrija tax-xogħol u l-ekonomija filwaqt li nassiguraw li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Għalhekk dan ukoll huwa investiment fir-riżors uman—l-ikbar riżorsa li għandu pajjiżna”, qal il-Ministru Grima.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li permezz tal-Youth Guarantee mill-2013 ġew investiti aktar minn  €1.4 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew u ibbenefikaw aktar minn 5,000 student li attendew għall-klassijiet ta’ revizjoni tas-SEC. 

“Investejna fil-futur ta’ uliedna għax dawn il-klassijiet ta’ revizjoni iservu biex l-istudenti li fallew fil-Matematika, fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Bijoloġija u fil-Fiżika ma jaqtgħux qalbhom iżda jerġgħu jippruvaw joqgħodu għall-eżami sabiex jiksbu l-marka li jixtiequ u jkomplu jistudjaw u jinvestu fil-futur tagħhom’, qal is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.