Ir-residenti ta' akkomodazzjoni soċjali fil-Marsa se jkunu qegħdin igawdu minn aċċessibilità aħjar hekk kif qiegħed javvanza sew ix-xogħol fuq il-proġett ta' tisbiħ u mmodernizzar f'din iż-żona. Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-Awtorità tad-Djar permezz ta' investiment ta' €1 miljun li ġej minn fondi Ewropej, bix-xogħol jinkludi l-iżvilupp ta' passaġġi u rampi sabiex jiffaċilitaw l-aċċessibilità għar-residenti wara li qed titneħħa l-problema ta' diżlivell li kien hemm f'din iż-żona.
Flimkien ma' dan ix-xogħol, qiegħed isir ukoll xogħol ieħor ta' tisbiħ li huwa ntiż biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u joffri ambjent isbaħ fejn wieħed jista' jirrilassa. Se jkun qiegħed isir ukoll bandli ġdid għat-tfal u apparti dan ix-xogħol, l-Awtorità tad-Djar se tkun qed tneħħi wkoll strutturi illegali li kienu qegħdin jokkupaw spazju pubbliku mingħajr permess.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li l-kwalità tal-ħajja tar-residenti hija importanti għal dan il-gvern u dan huwa biss proġett wieħed minn tlieta li l-Awtorità tad-Djar bdiet ħidma fuqu sabiex tipprovdi ambjent isbaħ u aktar sigur għar-residenti tal-madwar u ssaħħaħ l-aċċessibilità, biż-żewġ proġetti l-oħra li qegħdin isiru ġewwa l-Mosta u Santa Luċija. “Dan l-impenn biex insebbħu u ntejbu l-kwalità ta' żoni bħal dawn ikompli jikkonferma li l-akkomodazzjoni soċjali qed iġġib valur miżjud fil-lokalitajiet li qed jilqugħha", sostna l-Ministru Galdes.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li b'kollox l-Awtorità tad-Djar qiegħda twettaq investiment ta' €13.2 miljun, li minnhom €9.9 miljun huma ffinanzjati minn fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
“Permezz tal-fondi Ewropej qegħdin nirranġaw postijiet ta' akkomodazzjoni soċjali bħal ma qiegħed isir fuq dan il-proġett fil-Marsa u anki f'Santa Luċija u l-Mosta biex noffru ambjent aħjar lir-residenti", spjega Chris Bonett.