gov.mt

pr221256

PR221256

28/09/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Flexjet tagħżel lil Malta biex tirreġistra l-ewwel ajruplan Gulfstream G650 tagħha fl-Ewropa


Il-kumpanija Flexjet, li tispeċjalizza fit-titjiriet bl-ajruplani privati, għażlet lil pajjiżna biex tirreġistra l-ewwel ajruplan tagħha tat-tip Gulfstream G650 fl-Ewropa. Dan jirrifletti t-tkabbir operattiv kontinwu ta' din il-kumpanija f'pajjiżna.

 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia mal-wasla tal-ajruplan fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta (TM) il-Brigadier Jeffrey Curmi, id-Direttur Ġenerali fid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili (CAD) il-Kaptan Charles Pace, il-Kap Eżekuttiv ta' Flexjet Mike Silvestro u d-Direttur Maniġerjali Marine Eugène.

 

“Qed naraw li aktar kumpaniji jkomplu jagħżlu lil Malta biex jirreġistraw l-ajruplani tagħhom, hekk kif qed inkomplu nkunu ta' appoġġ għall-investituri. Permezz t'hekk din l-industrija tant importanti għal pajjiżna qed tkompli ssaħħaħ l-ekonomija, toħloq inizjattivi ġodda u tiġġenera aktar opportunitajiet. Għalkemm diġà qegħdin f'pożizzjoni b'saħħitha fir-reġistru 9H, il-Gvern impenjat li jkompli jippromwovi lil pajjiżna u jkabbar din l-industrija. Dan se jfisser li Malta se tkompli tistabbilixxi lilha nnifisha bħala l-ġurisdizzjoni tal-għażla fil-qasam tal-avjazzjoni," tenna l-Ministru Aaron Farrugia. 

 

Minn meta kisbet l-Air Operator Certificate Malti f'Lulju 2021, Flexjet espandiet it-tim u l-infrastruttura tagħha f'pajjiżna, inkluż it-tkabbir taċ-Ċentru Operattiv b'uffiċini akbar f'Ta'Xbiex. Dan l-uffiċċju se jiżdied mal-uffiċċju f'Mayfair, Londra; Ċentru ta' Kontroll  fl-Ajruport ta' Farnborough; u faċilità ta' manutenzjoni tal-ajruplani bbażata f'Milan, l-Italja.

 

“Il-programm tagħna huwa stabbilit sew fl-Istati Uniti, u aħna kuntenti li nilqgħu l-ewwel Gulfstream G650 tagħna fil-flotta Ewropea – investiment sinifikanti li huwa pass 'il quddiem fil-pjanijiet ta' espansjoni ambizzjużi tagħna," qal Marine Eugène, Direttur Maniġerjali Ewropew ta' Flexjet.

 

“B'żieda annwali ta' 153% fl-attività tal-flotta din is-sena, dan l-ajruplan eċċezzjonali se jtejjeb b'mod sinifikanti l-prodotti ta' klassi dinjija li noffru. Ir-reġistrazzjoni tal-ewwel Gulfstream G650 tagħna f'Malta turi kemm dan il-pajjiż huwa kruċjali għat-tkabbir futur tagħna. Konna impressjonati bil-komunità tal-avjazzjoni dinamika u professjonali Maltija, u t-talent dejjem jiżdied f'din l-industrija. Hekk kif qed inkomplu ninvestu fl-operat tagħna hawn, inħarsu 'l quddiem li nibnu fuq ir-relazzjoni eċċellenti tagħna mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, li joffri l-ogħla standards ta' sigurtà u konformità," ikkonkluda s-Sur Eugène.

 

Il-Kaptan Charles Pace  żied jgħid li, “Nilqgħu bi pjaċir l-ewwel Gulfstream G650 Ewropew ta' Flexjet fir-reġistru 9H tagħna. It-tim ta' Flexjet wera livell impressjonanti ta' professjonalità operattiva, b'attenzjoni partikolari lejn is-sigurtà, b'konformità mal-istandards tagħna. Pożittivi li se naraw l-operat tagħhom ikompli jikber hawn Malta."​