gov.mt

pr221341

PR221341

08/10/2022

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Għaddej ġmielu x-xogħol fuq St Michael Hospice Complex

​

Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-bini tal-kumpless St Michael Hospice f'Santa Venera hekk kif fix-xhur li għaddew ġie konkluż ix-xogħol ta' kostruzzjoni.

 

St Michael Hospice Complex se jkun l-ewwel kumpless tat-tip tiegħu f'Malta li se joffri kura paljattiva ċentralizzata f'ambjent tal-ogħla livell għall-pazjenti. F'dan il-kumpless se jkun hemm 16-il kamra li se jservu ta' in-patients unit li fihom il-pazjenti jistgħu jingħataw kura paljattiva mdawwrin bil-familjari tagħhom waqt li jkunu għaddejjin minn dan iż-żmien diffiċli.

 

Il-proġett jinkludi ukoll Day Therapy Unit u Outpatients Clinic li minnhom il-hospice tkun tista' toffri servizzi lill-pazjenti bil-kanċer, kundizzjonijiet newroloġiċi u mard serju tal-qalb u kliewi fost kundizzjonijiet oħra.

 

Dan il-proġett qiegħed isir b'investiment ta' €13-il miljun, li minnhom €8 miljun huma mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali u €900,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Fil-fatt, permezz tal-fondi Ewropej, se jkun qiegħed isir xogħol fuq id-Day Therapy Unit, l-equipment depository u l-outpatients clinics.

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett irringrazzja lill-hospice tas-servizz li toffri lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom f'mumenti diffiċli u spjega kif permezz ta' dan il-proġett se jkompli jsaħħu s-servizzi offruti.

 

“Dan hu proġett ko-finanzjat minn fondi Ewropej li permezz tiegħu qegħdin ngħinu lil hospice twettaq il-ħolma tagħha u qegħdin ninvestu fin-nies hekk kif il-pazjenti se jingħataw is-servizzi meħtieġa mdawwra bis-sapport familjar," ikkonkluda is-Segretarju Parlamentari Bonett.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' Hospice Malta, Kenneth Delia, sostna li Hospice Malta determinata li tkompli bil-missjoni tagħha biex toffri kura paljattiva komprensiva bla ħlas, minn tim ta' professjonisti, f'ambjent tal-ogħla livell u tal-familja.​

​