“Il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra huwa opportunità importanti ħafna sabiex nifhmu aħjar kif id-dijaspora Maltija qed tħares lejn pajjiżna minn barra minn xtutna u nispjegaw ukoll il-viżjoni tagħna għaż-żmien li ġej b'mod partikolari fejn tidħol il-politika barranija." Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza l-14-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta.
Dan il-Kunsill, imwaqqaf b'liġi, qed jiltaqa' bejn is-27 u t-28 ta' Ottubru 2022, ġewwa l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ f'Palazzo Parisio, il-Belt Valletta.
Waqt id-diskors tal-ftuħ tiegħu l-Ministru Ian Borg laqa' l-Membri tal-Kunsill għall-ewwel laqgħa annwali fiżika wara assenza ta' sentejn minħabba l-pandemija. Huwa tenna li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 2050 se jkunu l-prinċipju li jiggwidaw il-Ministeru fil-ħidma tiegħu u li l-għan tiegħu f'dawn il-jumejn tal-Kunsill huwa li jsiru diskussjonijiet dwar kif id-dijaspora Maltija u l-Kunsill jistgħu jinbidlu f'mekkaniżmu ta' bidla. It-tibdil fil-klima, il-gwerra fl-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija, l-instabbilità fil-Libja u d-disparità bejn is-sinjur u l-fqir huma wħud mit-temi ewlenin fuq l-aġenda ta' din il-laqgħa.
Il-Ministru Ian Borg tkellem dwar l-azzjoni li l-Ministeru ħa minn meta nieda formola onlajn bl-isem ta' 'Formola V - Reġistrazzjoni Volontarja għal Persuni Maltin ta' Valur li Jgħixu Barra minn Malta' bil-għan li jattira Maltin li jgħixu barra minn Malta biex jikkollaboraw mal-Gvern Malti f'oqsma speċifiċi. Il-Ministeru jħares 'il quddiem sabiex jirċievi reġistrazzjonijiet volontarji minn dawn il-Maltin li għandhom minjiera ta' esperjenza warajhom sabiex jikkollabora magħhom fil-viżjoni tiegħu ta' Malta Globali.
Huwa fakkar ukoll kif f'Settembru l-Ministeru organizza l-ewwel Forum Virtwali għaż-Żgħażagħ Maltin li jgħixu barra bit-tema 'Irrid nagħmel kuntatt: l-Ilsien Malti, il-Kultura u l-Identità'. Mira oħra li ntlaħqet din is-sena kienet it-twaqqif tal-Kumitati Reġjonali bil-għan li l-Ministeru jkun eqreb lejn il-komunitajiet Maltin li jgħixu barra b'enfasi fuq aktar konnettività li tagħmel parti mill-manifest elettorali tal-Gvern.
L-aġenda tal-Kunsill f'dawn il-jumejn ser tinkludi wkoll l-kommemorazzjoni ta' Monsinjur Philip Calleja li kien l-ewwel Direttur tal-Kummissjoni Emigranti u li miet f'Awwissu li għadda; vjaġġar aktar sostenibbli; materji relatati maċ-Ċittadinanza Maltija u l-Passaport; ir-reviżjoni tal-Att li jwaqqaf il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra Minn Malta; temi relatati mal-kultura u l-patrimonju Malti; u inqas burokrazija fil-qasam tas-servizzi, fost l-oħrajn.
Dan il-Kunsill huwa magħmul minn 15-il membru, u jinkludi membri mill-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Belġju, ir-Renju Unit, Franza, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda.