Il-proġett taċ-Ċentru tat-Tennis f’Pembroke għaddej b’ritmu tajjeb. Dan l-investiment huwa maħsub biex jgħolli l-livell ta’ dawn il-faċilitajiet għal livell internazzjonali.
Dan il-proġett huwa investiment ieħor f’faċilità state-of-the-art li juri kemm il-gvern huwa ta’ spalla għan-nies fil-komunitajiet biex jagħmlilhom differenza f’ħajjithom, kif rifless fil-baġit għas-sena d-dieħla, li fih tħabbar investiment ta’ €18.7 miljun għas-settur sportiv.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar il-faċilitajiet biex jara l-progress fix-xogħol u qal, “Biex bħala pajjiż inkomplu niksbu suċċessi f’diversi setturi, hemm bżonn li nibqgħu nsostnu t-tkabbir u l-investiment li diġà sar fl-atleti Maltin. Dan huwa investiment li qed isir ukoll f’diversi faċilitajiet sportivi madwar pajjiżna”.
Il-faċilità se tkun għall-atleti kollha biex ikunu jistgħu jitħarrġu b’mod aħjar u wkoll jista’ jintuża biex jitkabbar it-turiżmu sportiv. Din hija parti mill-viżjoni tal-gvern, għax pajjiżna għandu dak kollu meħtieġ biex fostna jilqa’ avvenimenti sportivi internazzjonali.
Dr David Farrugia Sacco, il-President tal-Malta Tennis Federation li akkumpanja lill-Ministru Grima f’din iż-żjara, qal li l-federazzjoni ilha snin twal taħdem biex ikollha faċilità tal-ogħla livell u faħħar l-appoġġ li l-gvern dejjem ta lill-federazzjoni, li wasslet għal dan il-proġett kbir u li huwa t-tieni l-akbar facilità għal-logħob tat-tennis f’Malta.
Huwa qal li din id-dixxiplina sportiva qed tikber u għalhekk dan iċ-ċentru speċjalizzat se jgħin bil-kbir lil dawk ta’ età żgħira biex issa jkunu jistgħu jitħarrġu u jkompli jogħla l-livell ta’ dan l-isport. “Wettaqna eluf ta’ sigħat ta’ ħidma biex ikollna ċentru biex niżviluppaw dan l-isport f’pajjiżna, u mingħajr l-assistenza ta’ SportMalta dan il-proġett ma kienx ikun possibbli”, qal Dr Farrugia Sacco.
L-investiment fiċ-Ċentru tat-Tennis f’Pembroke huwa investiment li l-gvern qed jagħti bħala assistenza lill-Malta Tennis Federation li qed tmexxi dan il-proġett bil-għajnuna ta’ SportMalta, taħt il-Facility Upgrade Scheme.
Iċ-ċermen ta’ SportMalta qal li dan huwa proġett ieħor li permezz tiegħu SportMalta qed tgħin biex jogħla l-livell tas-settur u wkoll biex il-faċilitajiet sportivi jkunu tal-ogħla livell. B’hekk, kemm l-atleti, l-isportivi u d-dilettanti jkunu mhux biss jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom, imma jsegwuh f’ambjent xieraq.
Mark Cutajar, Ċermen Eżekuttiv, ta d-dettalji tal-proġett li huwa mifrux fuq żewġ fażijiet, u li jaħseb għall-bini ta’ sitt tennis courts li jinkludu xogħol ta’ tħaffir, tal-elettriku, asfaltar tal-art, fencing mal-madwar u parkeġġ għall-karozzi. Il-court prinċipali se jkollu wkoll stands għall-ispettaturi u anke changing rooms u maħżen.