Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għal Malta għas-snin 2021-2027.
Bl-allokazzjoni li ħadet Malta u bil-kontribuzzjoni nazzjonali, pajjiżna se jkun qiegħed jinvesti €31.1 miljun fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, settur li huwa riżors importanti għal pajjiżna.
Dawn il-fondi se jiġu investiti biex Malta timplimenta azzjonijiet li jindirizzaw it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità. Se jingħata taħriġ professjonali lis-sajjieda, se jitwettaq investiment infrastrutturali fil-portijiet tas-sajd u għandha ssir riċerka u kampanja biex tiġi mħarsa l-bijodiversità.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li dawn huma fondi għal settur importanti fl-ekonomija ta' pajjiżna. “Sa mill-bidu tal-istorja tagħna, is-sajd kien dejjem industrija importanti u fond ta' għajxien għal pajjiżna; permezz ta' dawn il-fondi se nkunu qed naraw li jkollna proġetti li jgħinu biex dan il-qasam ikun aktar sostenibbli," qal il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett laqa' l-approvazzjoni ta' programm operattiv ieħor mill-Kummissjoni Ewropea li se jgħin lil Malta tinvesti aktar fis-sajjieda u f'dan is-settur. “Malta issa impenjata li twettaq b'suċċess l-implimentazzjoni ta' dan il-programm sabiex b'dawn il-fondi nkomplu nibnu fuq id-diversi azzjonijiet li ġew implimentati mill-programm 2014-2020, għaldaqstant kommessi li nkomplu ninvestu f'dan is-settur li minnu jaqilgħu l-għajxien tagħhom is-sajjieda," qal Dr Bonett.