gov.mt

pr221657

PR221657

01/12/2022

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ €6.65 miljun fi skema ta’ taħriġ għall-ħaddiema

​

Sal-lum, aktar minn 28,000 ħaddiem ibbenefikaw mill-iskema Investing in Skills, imħaddma minn Jobsplus, b'investiment ta' aktar minn €4.6 Miljun.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żar il-kumpanija Foster Clark li ngħatat aktar minn €36,000 biex tat taħriġ lil 127 impjegat permezz ta' din l-iskema.

 

Din l-iskema tnediet f'Marzu tal-2017 u hija ko-finanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 permezz ta' baġit ta' €6.65 miljun. L-għan ta' din l-iskema huwa li min iħaddem jingħata għajnuna finanzjarja xierqa biex jagħti taħriġ lill-ħaddiema sabiex jiksbu ħiliet ġodda u jkunu jistgħu jkomplu javvanzaw fil-post tax-xogħol.

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-ekonomija ma tistax tikber u tiżviluppa jekk ma jkollokx ħaddiema adegwati u mħarrġa għad-dinja tax-xogħol. “Matul dawn l-aħħar snin il-Gvern ħaseb f'kulħadd u f'kull faxxa tas-soċjetà. Bil-fondi Ewropej ħriġna bi skemi bħal dawn biex ninvestu f'min iħaddem u l-ħaddiem, li filwaqt li ntuhom opportunitajiet ta' taħriġ ikunu jistgħu javvanzaw fix-xogħol tagħhom u jkollhom salarji aħjar", qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.

 

Il-Head of Division - Employer Services fil-Jobsplus, Raphael Scerri qal li Jobsplus temmen fil-ħiliet tal-ħaddiema u għaldaqstant toffri għajnuna sabiex wieħed ikun jista' jakkwista ħiliet ġodda.  Dan qed isir permezz ta' waħda mill-iskemi – Investing in Skills.  Huwa spjega li kull min iħaddem jista' jakkwista fondi minn Jobsplus sabiex ikopri parti mill-ispiża tat-taħriġ u saħansitra tal-paga tal-ħaddiem waqt it-taħriġ. Huwa kompla li Jobsplus toffri skema oħra li hija t-Training Pays u toffri wkoll diversi korsijiet b'xejn lil kulħadd. Jobsplus toffri wkoll għajnuna finanzjarja lil min jattendi taħriġ u jkun jaqla' sa €300 fil-ġimgħa u toffri wkoll sussidju fuq iċ-childcare.

 

Min-naħa tiegħu, Joseph Busuttil, l-Managing Director ta' Foster Clark qal li bħala kumpanija, Foster Clark temmen u tinvesti ħafna fit-taħriġ u żvilupp kontinwu tan-nies tagħha fuq il-post tax-xogħol.  Huwa sostna li “Fid-dinja tal-lum, kull ma jmur qed isir iktar importanti illi dak li jkun jibqa' dejjem jikber u jitgħallem biex jibqa' relevanti fis-suq tal-impjieg. Anke minħabba li qed isiru avvanzi rapidi fit-teknoloġija, dan jirrikjedi ħiliet ġodda u differenti."​

​