Il-Gvern Malti għalaq in-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea fuq il-programmi operattivi kollha għas-snin 2021-2027. Din il-ġimgħa pajjiżna irnexxielu jagħlaq xahar qabel iż-żmien miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea dawn in-negozjati. Din kienet l-iktar darba li l-Gvern Malti għalaq in-negozjati b'mod rapidu, u irċieva l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-Programmi kollha fi żmien 18-il xahar minn meta bdew in-negozjati. Dan għandu jiżdied ukoll mal-fatt li b'mod parallel, fl-istess perjodu, ingħalqu wkoll in-negozjati fuq l-ammonti, il-programmazzjoni, u beda jiġi implimentat il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll ġew assorbiti fondi mill-programm REACT-EU b'risposta għall-pandemija COVID-19.
Bl-għeluq tan-negozjati u bl-approvazzjoni tal-programmi operattivi b'mod bikri, issa l-pass li jmiss huwa li pajjiżna jibda jutilizza it-€2.2 biljun ewro f'fondi ewropej li hemm allokati għal Malta. Dawn il-fondi se jservu ta' opportunità biex il-gvern ikompli jinvesti u joħroġ bi proġetti u inizjattivi ġodda li jkompli jgħinu fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.
Wieħed mill-aħħar progammi li ġew approvati mill-Kummissjoni Ewropea kien l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi li għalih ġew allokati €47.8 Miljun li se jkompli jgħin biex insaħħu s-sorveljanza tal-fruntieri u jiġi ssalvagwardjat il-moviment ħieles tal-persuni fl-Unjoni Ewropea fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri rringrazzja lil dawk kollha involuti biex illum pajjiżna mhux biss għandu l-akbar programm ta' fondi miġjub lejn pajjiżna, dak ta' €2.2 biljun, iżda wkoll kull programm ġie approvat qabel iż-żmien. “Issa se nkunu qed inxammru l-kmiem u naħdmu għall-implimentazzjoni ta' kull programm. Filwaqt li nkomplu nħeġġu lis-settur privat biex huma wkoll japplikaw u jagħmlu użu mill-fondi ewropej, biex b'hekk inkomplu ntejbu l-prodott tagħna u ninċentivaw l-ekonomija," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li huwa sodisfatt li l-Gvern Malti irnexxielu jagħlaq in-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea fi żmien rekord u xahar qabel iż-żmien miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea u issa jħares 'il quddiem għal proċess ta' implimentazzjoni li se jwassal biex pajjiżna jkompli jikseb l-għanijiet soċjo-ekonomiċi tiegħu.
'Inħares b'ħerqa lejn Jannar li ġej fejn se jkun hawn f'pajjiżna l-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u Riformi Elisa Ferreira biex invaraw dawn il-programmi. Ninnota b'sodisfazzjoni li l-Kummissjoni dejjem ikollha kliem ta' tifħir għall-ħidma li qiegħda twettaq Malta fejn jidħlu l-fondi ewropej għax jafu li mal-Gvern Malti, jafu fejn qegħdin, u ċerti li l-fondi ser jiġu investiti fl-aħjar interess tal-pajjiż u l-poplu Malti," qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.