Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett indirizzaw seminar dwar il-proġett SpatialTrain Scholarship Scheme, organizzat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li jinsab sodisfatt li l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet din l-inizjattiva sabiex jingħata aktar taħriġ dwar id-data spazjali. Il-ministru qal li f’din l-era ddominata mill-informatika u l-komunikazzjoni, huwa indispensabbli li l-informazzjoni u d-data spazjali tkun aktar mifruxa u disponibbli għall-pubbliku sabiex tkun miżmuma u analizzata aħjar. Huwa temm jgħid li t-taħriġ li ngħata flimkien mar-riċerka li ġiet ippubblikata fi tliet volumi, se jservu kemm bħala referenza kif ukoll bħala ispirazzjoni biex jinstigaw aktar ħidma.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li “Dan il-proġett, b’investiment ta’ aktar minn €900,000 iffinanzjat b’fondi Ewropej, kompla jgħin biex intejbu l-ħiliet ta’ aktar persuni li jaħdmu f’diversi setturi, fosthom it-turiżmu u l-ambjent, u b’hekk komplejna nsaħħu s-settur pubbliku biex iwassal sabiex ikollna settur pubbliku aktar b’saħħtu u mħarreġ.”
Dr Elaine Sciberras, Project Leader, enfasizzat li dan il-proġett ippermetta lil parteċipanti minn diversi entitajiet governattivi jiksbu ħiliet speċjalizzati fl-akkwist u fl-analiżi ta’ data spazjali fl-ambjenti fiżiċi, naturali u soċjali, permezz ta’ mudellar u simulazzjonijiet 3D. Dan ippermetta t-titjib tal-għarfien f’firxa ta’ oqsma bħall-ippjanar, is-saħħa pubblika, it-trasport, l-avjazzjoni, il-wirt kulturali, id-dinamika spazjali tal-kriminalità, il-monitoraġġ tal-ekosistemi, u l-applikazzjonijiet tal-ilma u tal-baħar, fost oħrajn.
Il-proġett kellu l-għan li joffri boroż ta’ studju fil-qasam tat-teknoloġija ġeospazjali (ġeomatika) għal persuni impjegati fis-settur pubbliku u fis-servizz pubbliku. B’kollox ġew offruti sebgħin borża ta’ studju f’livell MQF livell 4 (ċertifikat), livell 5 (diploma), livell 6 (grad ta’ Baċellerat) u livell 7 (grad ta’ Masters). Dan il-proġett eċċella billi ġabar flimkien għadd kbir ta’ entitajiet, u pprovda l-possibbiltà ta’ taħriġ lill-impjegati kollha tas-servizz pubbliku u s-settur pubbliku.
Dan il-proġett kien l-ewwel pass biex jingħata taħriġ lis-settur pubbliku fil-qasam tal-ġeomatika. Apparti li t-teknoloġija diġitali qed tevolvi kontinwament, l-entitajiet pubbliċi qegħdin dejjem aktar jeħtieġu data ġeografika biex jindirizzaw kwistjonijiet ewlenin bħall-bidla fil-klima, is-saħħa pubblika u s-sigurtà tad-data ġeografika.