PR221783

21/12/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA 4,000 metru kwadru ta’ siġar u passaġġi fi Ġnien Romeo Romano miftuħa mill-ġdid għall-pubbliku

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli inawgurat l-ewwel fażi tal-proġett ta' restawr u tisbiħ immexxi minn GreenServ fi Ġnien Romeo Romano, f'Santa Venera.

 

Din il-parti tal-ġnien, li qabel ma kinitx aċċessibbli għall-pubbliku, qed iżżid madwar 4,000 metru kwadru ma' dan l-ispazju miftuħ fil-qalba ta' din iż-żona urbana. Ix-xogħol ta' restawr wassal biex din il-parti tal-ġnien issa hija aċċessibbli u sigura għall-viżitaturi.

 

Il-proġett inkluda wkoll playground għat-tfal u żewġ decking areas, ippjanati biex jintegraw b'mod sostenibbli mal-istorja ta' dan il-ġnien filwaqt li jinkorporaw in-numru kbir ta' siġar taċ-ċitru maturi li kien hemm fil-post u 25 siġra ġdida oħra magħhom.

 

“€1.7 miljun qed jiġu investiti fir-riġenerazzjoni sħiħa ta' Ġnien Romeo Romano. Dan il-proġett huwa xhieda oħra tal-viżjoni tal-Gvern, b'impenn sħiħ biex noħolqu aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Nemmnu li proġetti bħal dawn qed isebbħu l-lokalitajiet fejn ngħixu, filwaqt li joffru lill-familji spazji rilassanti u rikreattivi viċin id-djar u l-postijiet tax-xogħol tagħhom," qalet il-Ministru Dalli.

 

Il-Ġnien Romeo Romano huwa t-tieni l-akbar ġnien pubbliku f'Malta.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' WasteServ Richard Bilocca spjega kif dan il-proġett huwa maqsum f'żewġ fażijiet. It-tieni fażi se tinkludi r-restawr tar-razzett antik li fih fil-passat kien jgħix il-ġardinar ta' dan il-ġnien. “Ħadna ħsieb li nużaw materjali, fosthom l-injam, li jikkumplimentaw il-karattru eżistenti ta' dan il-ġnien, u llimitajna kemm stajna l-użu tal-plastik," qal Richard Bilocca.  

 

Din il-parti tal-ġnien li għadha kif ġiet riġenerata għandha fiha numru ta' karatteristiċi storiċi, fosthom sienja li tmur lura għas-seklu dsatax. GreenServ irrestawratha flimkien mal-ġibjun taħt il-ġnien u l-kanali madwar is-siġar. Fl-istess waqt, irranġat il-passaġġi biex ikunu siguri u aċċessibbli għal kulħadd. L-ewwel fażi inkludiet ukoll ir-restawr tal-ħitan u l-funtani f'din il-parti tal-ġnien u t-tħawwil t'iktar siġar taċ-ċitru.

 

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Ministru Miriam Dalli ħabbret it-tieni fażi ta' dan il-proġett, li tikkonsisti fir-restawr tar-razzett l-antik f'dan il-ġnien biex isir ċentru ta' tagħlim dwar l-ambjent għall-istudenti ta' Ekoskola u għall-pubbliku, b'opportunitajiet ta' tagħlim prattiku dwar il-ħarsien tan-natura u s-sostenibbiltà.

 

L-ewwel fażi tal-proġett ta' Ġnien Romeo Romano hija t-tmien investiment tal-Gvern fi spazji miftuħa din is-sena. ​