Il-Ministru Aaron Farrugia nieda l-politika tal-gvern għall-industrija tal-avjazzjoni, li hija waħda mill-muturi ekonomiċi ewlenin ta' pajjiżna.
'Civil Aviation Policy for Malta 2023-2030' ġiet finalizzata wara li diversi partijiet interessati taw il-kontribuzzjoni tagħhom matul il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika li tnieda fl-2021 waqt konferenza dwar il-futur tas-settur tal-avjazzjoni f'Malta, li għaliha attendew rappreżentanti tal-industrija, esperti u oħrajn mill-komunità kummerċjali.
It-tfassil tal-Politika Nazzjonali tal-Avjazzjoni sar permezz ta' djalogu mal-industrija, b'ħarsa lejn il-ħidma u l-investimenti li saru fil-passat flimkien mal-viżjoni tal-industrija għall-futur sabiex b'hekk jiġu indirizzati l-isfidi kif ukoll sabiex bħala pajjiż inkunu f'pożizzjoni li nantiċipaw u nieħdu l-opportunitajiet li ġejjin.
F'din il-politika, li hija l-ewwel tax-xorta tagħha, hemm identifikati madwar 24 għanijiet immirati biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-industrija u b'hekk jiġi żgurat li jkollna settur tal-avjazzjoni dejjem aktar effiċjenti.
Fost l-oħrajn dawn l-għanijiet se jwasslu biex:
- intejbu r-riżorsi neċessarji, l-aktar ir-riżorsi umani, biex ikollna l-ħiliet meħtieġa għall-industrija ta' għada;
- noħolqu bilanċ bejn l-benefiċċji soċjoekonomiċi filwaqt li nilħqu l-miri tad-dikarbonizzazzjoni. Dan kollu filwaqt li nippreservaw il-konnettività u l-kompetittività ta' pajjiżna;
- immexxu 'l quddiem u niżviluppaw niċeċ ġodda u emerġenti fosthom dawk tad-drones u EVTOLS;
- inkabbru l-konnettività ma' pajjiżi oħra kif ukoll bejn Malta u Għawdex; u
- insaħħu d-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili biex ikun katalista u joffri qafas regolatorju tal-aqwa livell.
Miżuri oħra se jkunu qed jindirizzaw bżonnijiet aktar imminenti fosthom l-infrastruttura neċessarja biex inkunu nistgħu nakkomodaw il-bżonnijiet tal-industrija, u pjan strateġiku biex pajjiżna jsir ċentru għal taħriġ relatat ma' din l-industrija.
“Il-gvern huwa kommess li pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-qafas regolatorju preżenti, ikompli jinvesti fl-industrija u f'niċeċ ekonomiċi ġodda, jiddikarbonizza u jħarreġ il-workforce li hi bżonjuża fir-reġjun. Se naraw li nirrispettaw l-obbligi ambjentali u dawk tat-tibdil fil-klima, li nkunu pijunieri f'niċeċ ekonomiċi ġodda u nużaw il-pożizzjoni ġeostrateġika ta' pajjiżna biex nibqgħu nattiraw l-investiment u nkunu ċentru ta' taħriġ li joffri l-ħiliet li din l-industrija se jkollha bżonn fil-ġejjieni," qal il-Ministru Aaron Farrugia.
Dan il-pjan strateġiku tal-gvern ikompli jibni fuq proġetti oħra li l-gvern qed jaħdem fuqhom. Eżempju ta' dan huwa l-proġett tar-riġenerazzjoni u l-estensjoni tal-airfield f'Għawdex u l-masterplan għaż-żona tal-ajruport. Din il-ħidma se tkompli twitti t-triq biex jiġu attirati lejn pajjiżna iktar intrapriżi u proġetti innovattivi.