gov.mt

pr230085

PR230085

19/01/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Skema ta’ €2 miljun f’fondi Ewropej għan-negozji żgħar u medji

In-negozji żgħar u medji se jkollhom l-opportunità jagħmlu użu minn €2 miljuni f'fondi Ewropej biex jixtru makkinarju jew tagħmir. Dan tħabbar aktar kmieni llum mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

 

Din l-iskema li se tiftaħ fl-1 ta' Frar 2023, se tkun qed tieħu post skemi eżistenti li se jagħlqu fl-aħħar ta' dan ix-xahar, mill-programm ta' fondi 2014-2020.

 

Il-Ministru Silvio Schembri qal li f'pajjiżna madwar 95% tan-negozji jaqgħu taħt il-kappa żgħar u medji u li bejniethom iħaddmu mal-140,000 persuna. “Għaldaqstant meta nkunu qed ngħinu u noħorġu skemi biex ngħinu lil dawn it-tip ta' negozji, nkunu qed nagħtu għajnuna lill-ekonomija sħiħa ta' pajjiżna," tenna l-Ministru Schembri.

 

Huwa spjega li dawn il-fondi jistgħu jintużaw, fost oħrajn, biex jinxtara apparat li jgħin lin-negozju jsir aktar effiċjenti. Huwa sostna li dan jaqbel mal-istrateġija tal-gvern fejn lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet ġew imnedija erba' strateġiji li permezz tagħhom se naraw aktar negozji Maltin jagħmlu l-qalba diġitali u b'hekk ikunu aktar reżiljenti.

 

“Nafu li ħafna negozji ma japplikawx għall-fondi Ewropej minħabba l-proċess twil u burokratiku. Iżda din l-iskema se tkun qed tiġi simplifikata biex aktar negozji jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha. Din ukoll hija parti minn proċess li l-ministeru għall-ekonomija qed jaħdem fuqha anke f'oqsma oħra bħal biex ikun iffaċilitat il-proċess biex kumpanija jkollha kont bankarju," temm jgħid il-Ministru Schembri.

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li qed jinvestu €2 miljuni mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali f'dawn l-iskemi biex jgħinu lin-negozji jinvestu f'tagħmir u makkinarju li jgħinuhom itejbu l-produttività tal-intrapriża.

 

“Dan il-gvern għandu għal qalbu lin-negozji u anki mill-programm il-ġdid ta' fondi Ewropej li se inniedu fil-jiem li ġejjien se nkomplu ngħinu aktar negozji u intrapriżi. Se naraw ukoll li jkollna proċess simplifikat biex aktar negozji jagħmlu użu mill-fondi Ewropej," temm jgħid Chris Bonett.​