Tnieda l-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta b'allokazzjoni ta' €33 miljun f'fondi Ewropej li se jgħinu lill-pajjiż jindirizza l-impatti ambjentali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija li hija climate-neutral, tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
Dr Bonett qal li dawn il-fondi ser imorru biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-proviżjoni tal-elettriku fil-proġett shore-to-ship. €33 miljun se jiġu investiti fil-proġett ta' onshore power supply fil-proġett tal-Port il-Kbir u fil-proġett tax-shore-to-ship fil-Freeport. Dawn il-proġetti se jnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis fl-arja filwaqt li joffru arja nadifa.
Għaldaqstant tnieda l-proċess formali ta' preavviż rigward il-ħruġ tal-applikazzjonijiet għal dawn il-proġetti li huma parti mill-viżjoni strateġika ta' Malta u tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li llum qegħdin ukoll b'mod uffiċjali jniedu l-ewwel programm operattiv wara li fil-bidu ta' din il-ġimgħa l-gvern ippreżenta l-viżjoni tiegħu kif se jinvesti €2.2 biljun.
Dr Bonett qal li l-fondi Ewropej se jiġu utilizzati biex joffru kwalità ta' arja nadifa lir-residenti li joqogħdu qrib il-Port il-Kbir bħall-Marsa, il-Furjana, il-Kottonera u Raħal Ġdid u r-residenti li joqogħdu qrib il-Freeport fosthom fil-lokalità ta' Birżebbuġa. Dr Bonett qal li dan il-fond ser jgħin lill-gvern li flimkien ma' stati membri tal-Unjoni Ewropea jaħdmu flimkien biex jilħqu l-mira climate-neutrality sas-sena 2050.
“L-impenn tagħna fejn jidħlu l-fondi hu li bħala pajjiż inkomplu nwettqu proġetti li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Għalina dan ifisser li €2.2 biljun f'fondi Ewropej jiġu użati kif xieraq minn kull min għandu xi proġett ambizzjuż xi jwettaq, kemm fuq livell ta' gvern kif ukoll fuq livell ta' kwalunkwe individwu," temm jgħid Dr Bonett.