gov.mt

pr230142

PR230142

28/01/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Jitlesta l-proġett ta’ restawr u bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ f’Għawdex b’valur ta’ €10 miljun fondi Ewropej

​​

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett ħabbru li tlesta r-restawr ta' 'l fuq minn 30 kilometru ta' ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex kollu.

 

Ir-restawr u bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ saru mid-Direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru ta' Għawdex u huma ffinanzjati minn fondi Ewropej li jlaħħqu iktar minn €10 miljun. Il-proġett beda madwar sentejn ilu fejn saru xogħlijiet fil-lokalitajiet tax-Xagħra, in-Nadur, ix-Xewkija, Għajnsielem, l-Għasri, San Lawrenz, Ta' Sannat, Il-Qala, Santa Lucija, Kerċem, iż-Żebbuġ u r-Rabat b'total ta' madwar 40 triq b'diversi xogħlijiet estensivi ta' bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ.

 

Il-Ministru Clint Camilleri spjega kif f'dan il-proġett, kofinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, kilometri ta' ħitan tas-sejjieħ li maż-żmien kienu ġġarrfu, u li kienu qegħdin fi stat ħażin, ġew irrestawrati u mibnija mill-ġdid. Huwa stqarr li “dan il-proġett huwa meqjus ta' importanza nazzjonali, b'mod partikolari fid-dawl tal-impenn tal-Gvern li jittrasforma lil Għawdex fi gżira ekologika u għall-kontribut tiegħu bħala sostenn għall-bdiewa u r-raħħala Għawdxin".

 

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Gvern kommess li jibqa' għaddej bil-ħidma tiegħu biex ikompli jwettaq aktar proġetti għal Għawdex.

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li ġew investiti €10 miljun mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali sabiex ġew irranġati 30 kilometru ta' ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex kollu. “B'dan l-investiment mhux biss komplejna nsebbħu l-karatteristika fiż-żoni rurali f'Għawdex imma komplejna nipproteġu l-ambjent. Kommessi li kif wettaqna dan l-investiment, mill-programmi operattivi l-ġodda nkomplu ninvestu fil-gżira Għawdxija u fi proġetti bħal dawn," qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.

 

Il-ħitan tas-sejjieħ huma karatteristika importanti fil-pajsaġġ rurali Għawdxi u apparti mill-impatt viżiv li jħallu, għandhom ukoll importanza ambjentali kbira għax jipprevjenu t-tmermir tal-ħamrija meta tagħmel ix-xita.

​