gov.mt

PR230217

PR230217

09/02/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Post alternattiv għall-istudenti tal-Iskola Primarja tal-Imtarfa, Kulleġġ St. Nicholas

​​​

Mit-22 ta' Frar, l-istudenti li bħalissa jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fl-Iskola Primarja tal-Imtarfa, Kulleġġ St. Nicholas, se jkunu trasferiti l-Imsida, fil-binja li hija magħrufa bħala l-Imsida Hub u li sa ftit ġimgħat ilu kienet tilqa' studenti fiha għal programmi alternattivi fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Il-Ministeru ħa din id-deċiżjoni wara li ġie nnutat degrad fl-istruttura tal-binja, b'rapporti ta' esperti jindikaw li dan il-proċess huwa wieħed kontinwu.​

Il-ġenituri tal-istudenti ġew mgħarrfa b'dawn id-dettalji llum, f'laqgħa li saret apposta għalihom flimkien mal-edukaturi ta' uliedhom, biex jingħataw informazzjoni dwar il-ħtieġa li jsir dan il-proċess. Il-ġenituri u l-edukaturi kienu infurmati li nħasset il-ħtieġa li jsir dan iċ-ċaqliq biex tkun protetta s-sigurtà tal-istudenti u tal-edukaturi nfushom. Bejn l-aħħar jum fl-iskola tal-Imtarfa u l-ewwel jum fl-Imsida Hub, l-istudenti mhux se jitilfu jiem ta' edukazzjoni, għaliex kif ippjanat, it-trasferiment minn skola għal oħra qed isir f'perjodu li l-istudenti jkunu bil-vaganzi.

Filwaqt li l-aħħar jum tal-iskola fl-Imtarfa se jkun nhar l-Erbgħa, 15 ta' Frar, l-istudenti se jibdew fil-post il-ġdid fl-Imsida l-Erbgħa, 22 ta' Frar.

Mil-lum stess beda wkoll xi xogħol meħtieġ biex l-Imsida Hub tkun tista' tilqa' l-istudenti u l-edukaturi fiha.

Il-binja li bħalissa tintuża bħala skola primarja fl-Imtarfa u li fiha jattendu studenti minn Kindergarten sas-Sena 6, kienet inbniet fl-1893 biex isservi bħala l-Officers' Mess mill-Ingliżi u bħalissa jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fiha 92 student.

Fis-snin riċenti, riżultat ta' ċaqliq naturali tal-art li hija mibnija fuqha, fil-binja żviluppaw konsenturi u kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li jittieħed dan il-pass biex tkun imħarsa s-saħħa tal-istudenti u l-edukaturi.