2.3 miljun turist żaru l-Gżejjer Maltin fl-2022. Dawn in-numri fil-wasliet tal-viżitaturi huma 83% tal-livelli li kellna fl-2019.
B'mod sinifikattiv, f'termini ta' volumi, fl-2022 is-suq Pollakk, Awstrijakk, Taljan, Franċiż, issuperaw in-numri tal-2019, l-istess sena li Malta rreġistrat rekord fit-turiżmu.
| 2019 | 2022 |
Il-Polonja | 104,228 | 143,229 |
L-Awstrija | 33,251 | 36,497 |
Franza | 239,140 | 258,372 |
L-Italja | 392,955 | 398,198 |
Dawn huma riżultati sodisfaċenti li għandhom jittieħdu f'kuntest ta' sena turistika li l-moviment tagħha kien ristrett fl-ewwel erba' xhur tas-sena minħabba l-impatt tal-varjant Omicron fuq l-ivvjaġġar. Fl-istess waqt, il-volum ta' turisti esperjenzat fis-sena msemmija ħalla ntrojtu ta' €2 biljun fl-ekonomija Maltija.
Dawn iċ-ċifri ħarġu fi preżentazzjoni li saret mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bit-tema 'Tourism 2022 – A Steady Recovery' indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Il-Ministru Bartolo saħaq kif dawn ir-riżultati jisimbolizzaw ir-reżiljenza profonda li kellu s-settur tal-ospitalità lokali fi żminijiet ta' sfida. Huwa żied jgħid li l-pass li jmiss huwa li jibnu settur tat-turiżmu ibbażat iżjed fuq is-sostenibbiltà.
“Is-sostenibbiltà hija ħtieġa mhux għażla. Irridu nifhmu dan il-prinċipju iżjed minn qatt qabel. Dan ifisser li jkollna turiżmu li jżur pajjiżna fuq firxa ta' sena sħiħa li b'mod dirett iħalli impatt pożittiv ambjentali speċjalment bit-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-attività turistika," temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.