Waqt konferenza ġewwa l-Mużew tal-Arkeoloġija, fil-Belt Valletta, ġew preżentati r-riżultati ta' proġett relatat mal-organizzazzjoni tal-uffiċini tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea b'kollaborazzjoni mal-World Bank. Tħabbar ukoll li minn dawn ir-riżultati nħareġ pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi qafas strateġiku u operattiv biex jissaħħu kemm l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif ukoll l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat ta' Malta.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard tenna kif il-Gvern għaddej b'investiment kontinwu fl-istituzzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ġudizzjarja, u dak li qed jiġi preżentat illum huwa xiehda akbar ta' dan. Il-Ministru Attard spjega kif permezz ta' dan il-proġett, il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Uffiċju tad-Direttur Ġenerali għar-Riformi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-World Bank ħadmu id f'id mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat biex issir analiżi tal-operat u tkun ifformulata l-aħjar strateġija biex isaħħaħ dawn l-uffiċini minn aspett organizzattiv.
“Dan il-pjan strateġiku u operattiv huwa komponent ewlieni li jippermettilna nwettqu l-obbligi usa' tagħna għall-istabbiltà ekonomika u l-iżvilupp ta' pajjiżna li għalihom dawn iż-żewġ uffiċċji jiffurmaw parti integrali. Dan kollu qed isir sabiex ikollna s-sistema ta' ġustizzja b'saħħitha li jixraqlu pajjiżna u li aħna impenjati għaliha kif jixhdu r-riformi l-oħra kollha li qed iwettaq dan il-gvern f'dan is-settur," temm jgħid il-Ministru Jonathan Attard.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li l-finanzjament ta' dan il-proġett kien ta' €300,000 mill-Istrument ta' Appoġġ Tekniku, li huwa programm tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta lill-Istati Membri tal-UE biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi. Fl-2021 mill-Istrument ta' Appoġġ tekniku ġew approvati 19-il proġett b'investiment ta' €7.25 Miljun.
“Apparti dan il-proġett se nkomplu ninvestu l-fondi Ewropej fis-settur tal-ġustizzja fosthom fil-proġett ta' diġitalizzazzjoni tal-Qorti mill-Fond ta' Rkupru u Reżiljenza u aktar investiment biex jissaħħu l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat," stqarr is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Dr Daniele Dotto, Deputat Direttur u Kap tat-Taqsima fi ħdan id-DG Reform tkellem fuq il-ħidma kontinwa li l-Gvern Malti qed jagħmel fis-settur tal-Ġustizzja sabiex dawn l-uffiċini iwettqu l-ħidma tagħhom b'effiċjenza. Dr Dotto saħaq kif hu flimkien mal-kollegi Ewropej huma kburin li kkontribwew għal dawn ir-riżultati li ġew preżentati tul il-konferenza.
Is-Sur Jesko Hentschel f'isem il-World Bank tkellem fuq il-kollaborazzjoni li saret bejn l-istakeholders kollha nvoluti u s-sapport kontinwu biex tiġi fformulata l-istrateġija taż-żewġ uffiċini għall-ħames snin li ġejjin. Is-Sur Hentschel irrikonoxxa l-ħidma intensiva li diġà qed issir minn dawn iż-żewġ uffiċini, liema ħidma ġiet innotata tul it-18-il xahar li fih sar dan il-proġett.
Is-Sa Adamantia Manta f'isem id-DG Reform, is-Sa Joanne Battistino mill-Ministeru għall-Ġustizzja u Dr Helen Burrows mill-World Bank taw preżentazzjoni tal-proġett “Business reorganisation of the Office of the Attorney General and the Office of the State Advocate" fosthom l-għan tal-proġett, r-riżultati u l-pjan strateġiku.
Il-konferenza ngħalqet bl-indirizz tal-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg u l-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler.