Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett nedew skema ta' €12-il miljun b'fondi Ewropej bil-għan li aktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Din l-iskema se tiġi amministrata mill-Jobs+ bil-għan li persuni żvantaġġati jidħlu malajr fid-dinja tax-xogħol. Fost il-persuni li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema hemm żgħażagħ, persuni li għandhom iktar minn 24 sena u ilhom 24 xahar bla xogħol, persuni ta' iktar minn 50 sena u li qegħdin bla xogħol, persuni li għamlu biss sa livell sekondarju skola u persuni b'diżabilità.
Permezz ta' din l-iskema, min iħaddem se jirċievi sussidju ta' €110.93 fil-ġimgħa għall-impjieg full-time u €55.47 fil-ġimgħa għall-impjieg part-time, għall-perjodu ta' 52 ġimgħa jew 104 ġimgħat skont it-target group tal-iskema. F'każ ta' persuni b'diżabilità, min iħaddem jingħata €166.40 fil-ġimgħa għall-impjieg full-time jew €83.20 għall-impjieg part-time għal massimu ta' 156 ġimgħa.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li għalkemm f'pajjiżna għandna rati għoljin ħafna ta' persuni fid-dinja tax-xogħol tant li hawn nuqqas ta' ħaddiema, pajjiżna għandu wkoll faxex ta' nies li għalihom hija aktar diffiċli minn oħrajn biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
“Is-sena li għaddiet biss, saru 'l fuq minn elf applikazzjoni għal din l-iskema, u b'suċċess daħlu 564 persuna f'impjieg. Sa minn Ġunju tal-2015, permezz ta' din l-iskema 3,200 persuna daħlu fid-dinja tax-xogħol, minn dawn 51% kienu nisa, 15% qabżu l-età ta' 54 sena, 16% kienu persuni b'diżabbiltà. 78% kienu persuni li ilhom fil-qgħad jew inattivi għal aktar minn sentejn," qal il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li din l-iskema qed tiġi ffinanzjata b'fondi Ewropej mill-Fond Soċjali Ewropew+ li fih hemm allokat 40 miljun ewro biex isir aktar investiment fil-ħaddiema u s-suq tax-xogħol ikun aktar reżiljenti.
“Din l-iskema turina li minkejja l-isfidi li tiltaqa' magħhom fil-ħajja, il-Gvern qiegħed ikompli jgħinek sabiex tidħol fid-dinja tax-xogħol u tkompli timxi 'l quddiem fis-soċjetà. Is-sabiħ ta' din l-iskema hija l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, min iħaddem u l-ħaddiema biex flimkien inkomplu ninvestu fis-settur tax-xogħol u noffru aktar impjiegi ta' kwalità," qal Dr Bonett.