Din il-ġimgħa jingħataw il-pagamenti tal-In-work Benefit u l-Carer’s Grant biż-żidiet il-ġodda mħabbra fil-Baġit 2023 — Tiżdied b’55% in-nefqa soċjali fl-aħħar għaxar snin
Matul din il-ġimgħa l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jkun implimenta żewġ miżuri oħra tal-Budget 2023 biex issa implimenta 20 mit-22 miżura soċjali tiegħu, jew 91%. Tefgħu aktar dawl fuq dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mark Musù waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Waħda mill-miżuri l-ġodda hija żieda qawwija fil-Carer’s Grant li kienet ġiet introdotta għall-ewwel darba matul is-sena 2021. Dakinhar din l-għotja bdiet titħallas fl-ammont ta’ €300 fis-sena u s-sena l-oħra telgħet għal €500 fis-sena. Hekk kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali, minn din is-sena dan il-pagament se jogħla għal nofs il-paga minima nazzjonali netta, jiġifieri kważi €4,510. Dan l-ammont se jibda jkun maqsum f’erba’ pagamenti ta’ kważi €1,127.50 il-wieħed kull tliet xhur. Il-persuni eliġibbli ma’ għandhomx għalfejn japplikaw u l-proċess ta’ pagamenti huwa kollu awtomatiku. L-ewwel pagament tas-sena 2023 ser isir fit-8 ta’ April, u jkomplu jsiru pagamenti kull tliet xhur, bin-nefqa totali fuq din l-għotja se titla’ minn €230,000 għal €2 miljun fis-sena.
Miżura oħra ġdida implimentata tikkonċerna persuni waħidhom li jkunu fuq l-assistenzi soċjali u jibdew jieħdu l-allowance għall-carers. B’din il-miżura, dawn il-persuni mhux se jibqa’ jkollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom minkejja li ma jkunux aktar meqjusa bħala l-kap tal-familja. Issa ddaħħal tibdil kif imħabbar fil-Baġit 2023 li bih dawn il-persuni xorta jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel bla tnaqqis. Din il-miżura tfisser li dawn il-persuni se jibqgħu bi €13.21 fil-ġimgħa aktar fi bwiethom li issa mhux se jibqgħu jitnaqqsulhom.
Intant, is-Sibt li gej se jsir ukoll pagament tal-In-work Benefit li jkopri l-ewwel tliet xhur tas-sena. B’kollox hemm 22,500 familja li se jirċievu €3.2 miljun bejniethom. Il-proċess issa sar wieħed awtomatiku u ma hemmx bżonn iżjed li ssir applikazzjoni. Dan il-benefiċċju jitħallas lill-ġenituri ta’ tfal dipendenti taħt it-23 sena, liema ġenituri iridu jkunu jaħdmu u lid-dħul mill-impjieg tagħhom (wara li titnaqqas l-bolla) ma jaqbiżx:
€50,000 fis-sena għall-koppji li jaħdmu t-tnejn;
€35,000 għall-koppji li wieħed mill-ġenituri jaħdem jew single parent li jaħdem. Waqt it-tħaddim ta’ dan l-eżerċizzju nstab li li kien hemm 10,300 familja oħra b’15,400 tifel u tifla. B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, in-nefqa fuq dan il-benefiċċju qabżet b’€6.7 miljun għal €13.7 miljun.
Intant, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet saret analiżi ta’ statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjoanli tal-Istatistika fejn ikkonfermat li n-nefqa soċjali fl-2022 żdiedet b’€81 miljun fuq is-sena ta’ qabel. Din iż-żieda kienet l-aktar waħda għolja qatt reġistrata minn sena għall-oħra. Matul l-2022 in-nefqa globali fuq il-benefiċċji soċjali laħqet €1.2 biljun, maqsuma f’madwar €966 miljun f’pensjonijet u benefiċċji kontributorji u €242 miljun f’benefiċċji mhux kontibutorji. Dan l-ammont huwa €426 miljun ogħla minn dak li kien intefaq 10 snin qabel, żieda ta’ 54.5%. Ġie spjegat li fattur ewlieni għaż-żieda fin-nefqa is-sena l-oħra kien iż-żidiet u t-titjib li sar bit-twettiq ta’ pakkett b’saħħtu ta’ miżuri fil-Budget għall-2022. Dawn kienu jinkludu żieda ta’ €5 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet, l-introduzzjoni ta’ aġġustament gradwali fil-pensjoni tar-romol u t-tnedija ta’ tibdil fil-mekkaniżmu tal-bonus tal-għoli tal-ħajja biex eventalwalment dan jibda jitħallas bl-istess rata sħiħa lill-pensjonanti kollha.
Naturalment komplew jiżdiedu wkoll il-pensjonanti, anke permezz ta’ miżura ġdida li biha ġew rikonoxxuti kontribuzzjonijiet imħallsin qabel l-età ta’ 19-il sena u b’hekk madwar 2,000 persuna, ħafna minnhom nisa, bdew igawdu minn pensjoni. B’kollox in-nefqa fuq il-pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol flimkien mal-bonus kontributorju telgħet bi kważi €55 miljun. Meta wieħed imbgħad janalizza x’wassal għal żieda ta’ aktar minn 54% fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-aħħar għaxar snin isib li dawn kienu:
• Mill-anqas 110 miżuri soċjali immirati għall-pensjonanti u anzjani;
• Mill-anqas 268 miżuri soċjali għall-familji u l-ħaddiema, ħafna minnhom f’benefiċċji soċjali;
• Żieda ta’ mill-anqas €37 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet kollha u dawk fuq il-pensjoni minima żdiedu saħansitra sa €57 fil-ġimgħa;
• Sar programm estensiv ta’ reviżjonijiet fil-pensjonijiet li kienu ilhom snin kbar ma jsiru fejn tħallsu aktar minn €45 miljun f’arretrati lill-madwar 42,000 pensjonant, minbarra ż-żidiet fir-rati tal-pensjoni sussegwenti;
• Żieda ta’ aktar minn 20,000 fl-għadd ta’ pensjonanti mill-2012 ’l hawn, speċjalment tal-irtirar u r-romol.
Iċ-ċifri tal-NSO wrew li n-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji kibret bi €30 miljun. L-akbar impatt fuq in-nefqa kienu żewġ miżuri ewlenin li tniedew lejn l-aħħar tal-2022 u li bejniethom kienu jinvolvu żieda ta’ €24.5 miljun. Il-fond allokat għall-Għajnuna Supplimentari tela’ bi ftit anqas minn €18-il miljun għal €31.2 miljun, parzjalment minħabba titjib li sar fir-rati li jitħallsu koppji u persuni bi dħul relattivment baxx; iżda l-aktar għax ma’ din l-assistenza bdiet tingħata għotja addizzjonali mal-kumpens annwali għall-għoli tal-ħajja biex familji u persuni bi dħul baxx jew fuq il-benefiċċji soċjali jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-inflazzjoni.
Din l-għotja tħallset f’Diċembru skont mekkaniżmu li tfassal apposta biex ikejjel il-kumpens biex iwieżen lill-persuni eliġibbli. Il-ħlas ta’ dan il-benefiċċju fl-2022 biss laħaq €13.8 miljun li marru għand madwar 41,000 familji li jirrappreżentaw 80,000 persuna. Madwar 3,500 familja oħra ħadu l-kumpens tagħhom fil-bidu ta’ din is-sena biex is-somma telgħet għal €14.8 miljun. Il-tieni miżura li ħalliet impatt qawwi fuq in-nefqa kienet dik li wessgħet il-faxex tad-dħul fl-għoti tal-InWork Benefit sabiex aktar ġenituri li jaħdmu u bi tfal taħt it-23 sena jkunu jistgħu jgawdu wkoll minn dan il-benefiċċju. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ dan it-tibdil madwar 9,000 familja b’14,000 tifel u tifla saru eliġibbli għal dan il-benefiċċju. Dawn il-familji tħallsu mingħajr il-ħtieġa li jitfgħu applikazzjoni għax intgħażlu skont id-dħul tagħhom kif reġistrat mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi. Waqt it-tħaddim ta’ dan l-eżerċizzju nstab li kien hemm 10,300 familja oħra b’15,400 tifel u tifla li għalkemm eliġibbli għal benefiċċju skont id-dħul taħt il-limiti l-antiki għal xi raġuni jew oħra naqsu li japplikaw. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni ġie deċiż li jsir il-ħlas dovut lilhom ukoll mingħajr il-ħtieġa li japplikaw. Din il-prattika ser tibqa fis-seħħ u kull familja eliġibbli għall-In-work Benefit issa titħallas awtomatikament. B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi l-ispiża fuq dan il-benefiċċju qabżet b’€6.7 miljun għal €13.7 miljun.
Żidiet oħra ġew irreġistrati fin-nefqa fuq iċ-Children’s Allowance, fl-Assistenzi għad-Diżabilità u fil-Benefiċċji għall-carers. Meta wieħed iqabbel l-investiment fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-2022 ma’ dak li kien sar għaxar snin qabel, isib qabża kbira ta’ €426.3 miljun. In-nefqa fuq pensjonijiet u benefiċċji kontributorji żdiedet bi €362.7 miljun jew 61.4% waqt li dik fuq benefiċċji mhux kontributorji żdiedet €64.9 miljun jew 36.5%. In-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji żdiedet minkejja tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ dawk li jiddependu fuq l-assistenzi soċjali. Dan ifisser li waqt li naqsu in-nies bi dħul baxx, żdiedu sostanzjalment il-benefiċċji li qed jitħallsu lil min verament għandu bżonn. Fil-fatt, ras għal ras l-ispiża fuq dawn l-assistenzi rduppjat mill-2012 ‘l hawn bit-titjib li kien hemm fir-rati imħallsa.