Tiżdied l-effiċjenza u l-profittabilità tar-raħħala Maltin u Għawdxin
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett inawguraw impjant ġdid għat-tqattigħ, l-ispulpjar u l-ipproċessar tal-majjal fil-Biċċerija Pubblika.
L-impjant se jkun operat mill-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali, li tiġbor fi ħdanha lir-raħħala kollha li jrabbu l-majjal fil-gżejjer Maltin
Il-Biċċerija Pubblika investiet madwar kwart ta’ miljun ewro f’impjant tal-ogħla livell, dan filwaqt li min-naħa tagħha, il-koperattiva investiet €360,000 f’tagħmir, ċelel ta’ refriġerazzjoni u investiment ieħor taħt proġett parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
“Is-settur tal-majjal, li jgħodd madwar 80% tal-laħam kollu mill-Biċċerija, huwa kruċjali għas-sigurtà tal-ikel f’Malta, u dan l-impjant se jgħin lil dan is-settur ikun iktar sostenibbli,” qal il-Ministru Refalo waqt li fakkar li dan huwa proġett ieħor li qed jikkontribwixxi għat-twettiq tal-miżura elettorali favur iktar investiment fil-Biċċerija intiż biex iżid l-effiċjenza u jtejjeb il-profittabilità tar-raħħala Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li dan il-proġett qiegħed jiffoka fuq iż-żieda fil-valur ta’ prodott lokali, l-applikazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ produzzjoni, u t-titjib tal-kwalità u l-preżentazzjoni tal-prodott.
“L-impenn tagħna fis-sigurtà tal-ikel hu li parallel mal-istrateġija Ewropea, issir iktar reżiljenti fuq li tiggarantixxi d-disponibbiltà tal-ikel. Fl-aħħar ġimgħat ħabbarna l-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta 2023-2027 b’investiment ta’ €166 miljun li se jkompli jolqot b’mod pożittiv lir-raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin,” qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.
L-impjant il-ġdid ta’ madwar 400 metru kwadru se jippermetti lill-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali biex iżżid l-effiċjenza fit-tqattigħ u l-ispulpjar u b’hekk fil-produzzjoni ta’ qatgħat li jmorru għand il-proċessuri tal-laħam lokali.
Ġie spjegat li permezz ta’ dan l-investiment il-koperattiva se tkun qed iżżid il-kompetittività tal-majjal lokali hekk kif hija se tkun tista’ tagħti lill-proċessur jew lill-bejjiegħ tal-laħam prodott imqatta’ lest skont il-ħtiġijiet tiegħu, u hekk tgħinhom inaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-ġarr tal-karkassi, mal-ħażna u anki mal-ipproċessar inizjali tagħhom waqt li jnaqqsu r-rimi.
L-investiment jinkludi makkinarju ġdid li fost l-oħrajn se jippermetti t-tqattigħ u l-ippakkjar tal-laħam tal-majjal, kif ukoll, it-trattament tiegħu biex ma jixxottax waqt it-tisjir. L-impjant ġie ddisinjat b’mod li waqt li jissodisfa l-kriterji ta’ iġjene u s-separazzjoni neċessarja bejn prodott u ieħor, jintlaħaq il-bilanċ meħtieġ biex is-settur tal-majjal ikun iktar kompetittiv, u fl-istess ħin jippermetti l-aħjar użu ta’ riżorsi investiti.
Matul is-sena li għaddiet, il-Biċċerija Pubblika pproduċiet madwar 4,200 tunnellata ta’ laħam tal-majjal.
Il-Ministru Refalo temm jgħid li, “Il-proġett ser ikompli jibni fuq numru ta’ inizjattivi li permezz tagħhom il-Gvern qed jgħin lis-settur jegħleb dawn l-isfidi u jbiddilhom f’opportunitajiet, fosthom l-għajnuna fuq il-ġwież kif ukoll għajnuna biex għall-ewwel darba raħħala Maltin ibbenefikaw mill-fondi Ewropej għall-Għajnuna għall-Ħażna Privata. Bħal ma għamel fl-aħħar snin, Gvern Laburista mhux se jieqaf ikun ta’ spalla għar-raħħala u bdiewa kollha.”