Tlestew ix-xogħlijiet fuq toroq rurali fil-Gudja li tejbu l-aċċessibbiltà għall-bdiewa
B'investiment ta' aktar minn €707,969 b'fondi Ewropej ġew irranġati Triq tal-Lampat, Triq ta' Loretu, Triq Victor Pasmore, Sqaq Habel Wati u Sqaq Xlejli fil-Gudja.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett flimkien mas-Sindku tal-Gudja Marija Sara Vella Gafa żaru x-xogħlijiet kollha li saru f'dawn it-toroq. Toroq li huma kollha frekwentati l-aktar mill-bdiewa u r-raħħala u li, minħabba l-istat ta' dawn it-toroq, kien qiegħed joħloq problema ta' aċċess għall-bdiewa u r-raħħala li għandhom l-għelieqi u l-irziezet tagħhom fl-inħawi.
L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta' Triq tal-Lampat, Triq ta' Loretu u Triq Victor Pasmore u t-tieni fażi kienet tikkonsisti fil-kisi mill-ġdid ta' Sqaq Habel Wati u Sqaq Xlejli.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li b'investiment ta' €22.5 miljun mill-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali kważi tlestew ix-xogħlijiet fuq 160 triq rurali.
“Kommessi li bil-programm il-ġdid ta' fondi Ewropej, sal-2027 se nkomplu ntejbu aktar toroq rurali bil-għan li l-bdiewa u r-raħħala jkollhom infrastruttura aħjar u nkomplu nsebbħu żoni bħal dawn li jikkumplimentaw mas-sbuħija tal-art agrikola," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Is-Sindku Marija Sara Vella Gafa qalet li permezz ta' dawn il-fondi, il-Kunsill Lokali seta' jagħti aċċessibbiltà aħjar lill-bdiewa kif ukoll lir-residenti Gudjani u tal-madwar biex iżuru dan il-pajsaġġ naturali. “Permezz tal-istess fond ibbenefikajna wkoll biex isiru aktar toroq, li huma Sqaq il-Loġġa u Triq tal-Għoljiet. Dawn it-toroq ser ikunu qed isiru b'metodu katalist, b'dak li jissejjaħ 'crazy paving'," temmet tgħid is-Sindku tal-Gudja.