Ġew allokati €2 miljuni oħra f'fondi Ewropej għan-negozji żgħar u medji sabiex jixtru makkinarju jew tagħmir. Din l-iskema, li tnediet f'Jannar li għadda, kienet ta' suċċess u l-flus ittieħdu kollha. Għaldaqstant żdiedu €2 miljuni oħra, bil-baġit għal din l-iskema jitla' għal €4 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-binja tal-kumpanija Y&P Marketing (Malta) Ltd. Din il-kumpanija wettqet diversi proġetti b'fondi Ewropej, fosthom permezz ta' din l-iskema fejn ibbenefikat f'għajnuna finanzjarja biex inxtara crane li qed jgħin sabiex il-kumpanija tkabbar l-operat tagħha.
Permezz ta' din l-iskema, minn Jannar 'l hawn, 26 kumpanija ħadu l-fondi u qiegħed isir proċess ta' verifika fuq 34 applikazzjoni oħra li diġà daħlu biex huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu l-fondi. L-għotja massima hija ta' €120,000 u l-proġetti jeħtieġ li jkollhom talba minima ta' għotja ta' €10,000. L-għajnuna hija sa 50% tan-nefqa eliġibbli għal proġetti f'Malta u sa 60% għal proġetti mwettqa f'Għawdex.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li dawn il-fondi flimkien ma' fondi oħrajn li se jkunu qed joħorġu dalwaqt mill-programm ta' fondi ġodda, għandhom l-għan li jgħinu b'mod prattiku u mingħajr burokrazija żejda lill-kumpaniji Maltin biex ikomplu jespandu l-operat tagħhom, għall-benefiċċju tal-ħaddiema u tal-ekonomija inġenerali.
“Nirringrazzja lil kumpaniji li applikaw, kif ukoll dawk li qed jagħmlu użu tajjeb mill-fondi Ewropej, filwaqt li nħeġġeġ aktar kumpaniji biex jagħmlu dan il-pass," qal il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li ġie rduppjat l-baġit għal din l-iskema sabiex intrapriżi li jikkwalifikaw bħala SMEs jinvestu f'tagħmir u makkinarju meħtieġ li jikkontribwixxi direttament għat-titjib tal-produttività tal-intrapriża.
“Inħeġġeġ l-intrapriżi biex jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet ta' finanzjament, biex l-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom jirnexxi u jespandi għall-benefiċċju tagħhom u biex jikkontribwixxu għat-tkabbir, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-ekonomija ta' Malta," qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Aktar informazzjoni fuq din l-iskema tista' tinkiseb minn: https://fondi.eu/what-funding-is-available/equipment-and-machinery-sme-grant-scheme/