Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ħabbar it-tnedija tat-tieni edizzjoni tan-National STEM Awards.
L-għan ta' dawn il-premjijiet huwa li juru apprezzament u jonoraw persuni jew organizzazzjonijiet f'Malta għall-kontribuzzjoni li jagħtu lis-soċjetà fejn jaspiraw aktar nies f'suġġetti marbuta max-xjenza, teknoloġija, inġinerija, u l-matematika, magħrufa bħala STEM.
Din is-sena ġew imħabbra tmien kategoriji ta' nominazzjonijiet:
- Premju Għalliem/a tal-iskola Primarja li tispira l-istudenti fis-suġġetti STEM
- Premju Għalliem/a tal-iskola Sekondarja li tispira l-istudenti fis-suġġetti STEM
- Premju Edukatur jew Edukatriċi tas-suġġetti STEM mhux formali
- Premju Proġett STEM fil-Komunità
- Premju Proġett STEAM
- Premju għal kontribuzzjoni fis-suġġetti STEM
- Premju għal Riċerkaturi
- Premju għad-Diversità fi STEM
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti qal li permezz ta' dawn il-premjijiet jiċċelebraw l-impenn ta' dawk kollha li qegħdin jagħtu kontribut siewi lill-komunità grazzi għall-għarfien, it-talenti, u s-sengħa tagħhom fis-suġġetti STEM. Huwa tenna li dawn il-persuni jew organizzazzjonijiet qegħdin jagħtu ħafna liċ-ċittadini sabiex ikomplu jtejbu l-kwalità ta' ħajjitna.
“Il-premji STEM huma għotja ta' apprezzament biex nuruhom li l-isforzi tagħhom huma ferm apprezzati u li rridu niċċelebraw il-passjoni illi jħaddnu fis-suġġetti STEM. Nawgura lill-parteċipanti kollha għan-nominazzjonijiet ta' dawn il-premjijiet. Dan hu biss inċentiv sabiex tagħtu aktar minn dak li tafu," temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Dr Tonio Portughese, Ċermen tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) qal “L-Esplora kisbet reputazzjoni kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali għall-missjoni dejjiema tagħha li tqajjem kurżità u l-immaġinazzjoni tan-nies dwar id-dinja ta' madwarna, u kif se nintegraw ix-xjenza u t-teknoloġija fil-ħajja tagħna ta' kuljum. In-National STEM Awards 2023 hija waħda min-numru kbir ta' inizjattivi li l-Esplora twettaq, b'kollaborazzjoni mal-MCST, il-gvern, u entitajiet oħra pubbliċi."
In-National STEM Awards 2023 hija inizjattiva tan-National STEM Engagement Working Group, immexxi miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, fi ħdan l-MCST.
Dawk interessati jistgħu jibgħatu n-nomini tagħhom sad-29 ta' Ġunju 2023 minn dan il-link:
National STEM Awards 2023.
Aktar informazzjoni tista' tinkiseb billi wieħed iċempel fuq +356 23602167 jew b'imejl fuq [email protected].