Waqt żjara li għamlu fil-kumpanija S.A.W Ltd f'Ħal Qormi, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett setgħu jaraw l-investiment u t-tkabbir li din il-fabbrika għamlet u li parti minnu ġie ffinanzjat minn fondi Ewropej.
S.A.W Ltd hija negozju tal-familja li ilu jopera għal kważi 30 sena, u tispeċjalizza fil-manifattura ta' għamara. Matul is-snin, il-fabbrika investiet diversi drabi f'makkinarju u f'apparat ieħor biex tkun tista' tibqa' tikkompeti fis-suq lokali. Permezz tal-Business Enhance Grant, din il-kumpanija ngħatat l-appoġġ għal erba' proġetti.
Fl-aħħar snin, S.A.W bniet estensjoni tal-fabbrika tagħhom għall-brand, bl-isem ta' DARI, li tipproduċi għamara aktar moderna. Dan l-investiment sewa total ta' €9 miljun u permezz tiegħu nħolqu 50 post tax-xogħol ġdid.
Permezz tal-Business Enhance Grant, din il-kumpanija ngħatat madwar €2 miljun f'fondi Ewropej għal xiri ta' makkinarju u ta' tagħmir ieħor.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li huwa dejjem ta' pjaċir li jżur stejjer ta' suċċess ta' kumpaniji Maltin. “L-iżvilupp li għamlet din il-kumpanija, jirrispekkjaw il-politika tal-gvern, li naraw li jkompli jsir investiment fis-suq lokali, f'dan il-każ fil-qasam tal-manifattura. B'dan l-investiment qed naraw ukoll aktar innovazzjoni f'industrija tradizzjonali. Dan l-investiment, megħjun ukoll b'fondi Ewropej, ifisser tkabbir ekonomiku sostenibbli li jagħti aktar opportunitajiet ta' xogħol u ħolqien tal-ġid ġewwa pajjiżna," qal il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett tkellem dwar is-suċċess ta' din il-kumpanija li bl-għajnuna tal-fondi Ewropej kompliet tikber u tinvesti fl-operat tagħha. “Meta żżur kumpanija bħal din u tara s-suċċess tal-fondi Ewropej, li tara kumpanija li kompliet tikber, toffri aktar servizzi u tingaġġa aktar ħaddiema. Għalhekk iridu li aktar kumpaniji u individwi jagħmlu użu mill-fondi Ewropej, għax il-fondi Ewropej huma tan-nies," qal Dr Bonett.