gov.mt

pr230659

PR230659

05/05/2023

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurat xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq

Ġie inawgurat xogħol ta' restawr fuq il-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq – proġett li twettaq b'investiment ta' €81,000 li minnhom 80% kienu fondi Ewropej u 20% kienu koperti mill-parroċċa. Il-proġett ġie inawgurat mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, fil-preżenza tal-Arċipriet Dun Daniel Cardona u s-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Michael Pace Ross.

 

Il-proġett, li dam madwar għaxar xhur, kien jikkonsisti fir-restawr tal-koppla minn barra, inkluż il-lanterna u l-aperturi tal-injam. Inbidlet ukoll is-sistema esterna tad-dawl għal sistema aktar moderna u li hija maħsuba sabiex il-karatteristiċi tal-Knisja ddedikata lil Santa Katerina jispikkaw iżjed.

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qegħdin jinvestu erba' miljun ewro biex jintużaw mill-Arċidjoċesi ta' Malta sabiex twettaq proġetti ta' restawr fuq 33 knisja f'Malta bil-għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku. “Dan huwa investiment ieħor li twettaq b'fondi Ewropej li permezz tiegħu għen lill-Parroċċa taż-Żurrieq iwettqu dan il-proġett biex b'hekk inkomplu nirrestawraw il-wirt kulturali tagħna," tenna Dr Bonett.

 

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu u taw il-kontribut tagħhom biex seta' jsir dan il-proġett ta' restawr. “Il-Knisja f'Malta għandha l-impenn li tgħożż u tħares bis-sħiħ il-patrimonju tagħha. Tagħmel dan b'ġustizzja mal-antenati tagħna li ħallew dan il-wirt bi mħabba lejn il-Knisja, b'ħidma lejn il-ġid tas-soċjetà Maltija llum, kif ukoll tal-ġenerazzjonijiet futuri biex ikunu jistgħu jgawdu dak li hu sabiħ u prezzjuż," stqarr l-Isqof Awżiljarju.​