gov.mt

PR230684

PR230684

10/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Jitnieda l-proġett “Fields of Diversity”

Proġett li se jwassal għall-konservazzjoni ta' siġar indiġeni Maltin u biex terġa' titkattar il-popolazzjoni tar-reġina tan-naħal Maltija​

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett nedew il-proġett “Fields of Diversity" b'valur totali ta' €261,000 li minnhom €170,500 huma fondi Ewropej permezz tal-programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020, filwaqt li €90,500 huma fondi nazzjonali.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-għan ewlieni ta' dan il-proġett huwa li ssir riċerka għall-identifikazzjoni, il-konservazzjoni, u l-propagazzjoni ta' siġar tal-frott indiġeni Maltin u sabiex terġa' titkattar il-popolazzjoni tar-reġina tan-naħal Maltija fil-Gżejjer Maltin. Huwa kompla jgħid kif finalment se tkun il-komunità rurali kollha li tibbenefika minn dan il-proġett sabiex tkompli tissaħħaħ il-bijodiversità fil-Gżejjer Maltin.

Permezz ta' dan il-proġett mhux biss se tiżdied il-popolazzjoni tan-naħal iżda se jibda wkoll programm ta' inseminazzjoni artifiċjali tar-reġina tan-naħal indiġena Maltija li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f'Malta.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett sostna li l-impenn tal-Gvern hu li jkompli jinvesti fondi Ewropej fir-riċerka xjentifika, l-agrikoltura u l-konservazzjoni tal-ekosistema ta' pajjiżna. “Il-proġett li rajna llum huwa xempju ta' dan, fejn bil-Fondi Ewropej, investejna f'apparat xjentifiku biex isiru korsijiet edukattivi biex jinkoraġġixxu lill-apjisti professjonali u dilettanti dwar kif permezz tal-kura tagħhom, il-popolazzjoni tan-naħal lokali tiġi ppreservata u miżjuda," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Ġie spjegat li d-Direttorat għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem ukoll sabiex iwaqqaf Laboratorju fir-Razzett Sperimentali tax-Xewkija. Dan filwaqt li l-Università ta' Malta, bħala msieħba f'dan il-proġett, qed tgħin permezz tal-esperjenza li għandha f'diversi proġetti lokali u internazzjonali. Barra minn hekk, inġiebu esperti Pollakki mill-Istitut tar-Riċerka tal-Ortikultura mill-Polonja qed jassistu lill-Ministeru għal Għawdex fit-twaqqif ta' programm ta' tnissil tat-trobbija tar-reġina tan-naħal.​​

Bħalissa, fir-Razzett Sperimentali tax-Xewkija għaddejja ġimgħa sħiħa ta' korsijiet ta' taħriġ u dimostrazzjonijiet għall-persuni li jrabbu n-naħal (beekeepers) ta' esperjenza u ħaddiema tal-Ministeru. Bl-għajnuna ta' dawn l-esperti se tiġi stabbiltà wkoll il-miġbħa (apiary) fir-Razzett Sperimentali tax-Xewkija. Dan se jwassal sabiex ir-Razzett Sperimentali ta' Għawdex isir Ċentru għall-Innovazzjoni, Xjenzi Rurali u Ġestjoni Ambjentali.