Titnieda l-inizjattiva 'Let's Analyse this Plastic!' bil-għan li tqajjem kuxjenza fit-tfal fuq il-microplastics u l-effetti tagħhom fl-ambjent ta' madwarna
L-inizjattiva 'Let's Analyse This Plastic', li tittratta l-fenomenu tal-microplastics u l-effetti tiegħu, ġiet imnedija mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett. Din l-inizjattiva hija frott ta' kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, permezz ta' fondi mill-proġetti ANDROMEDA u BlueNIGHTs, l-NGO Żibel u t-tim ta' riċerka fi ħdan l-Università ta' Malta taħt id-direzzjoni tal-Ambaxxatur Malti għall-Baħar il-Professur Alan Deidun.
Din l-inizjattiva tinkludi esebizzjoni tal-aħħar stħarriġ u għodod ta' rappurtaġġ li qegħdin jintużaw mill-komunità xjentifika biex jiġi studjat il-volum tal-microplastics fl-ibħra tagħna. L-istħarriġ jinkludi wkoll eżami tal-effetti ta' dan il-fenomenu fl-ekosistema marittima u agrikola fi gżejjer bħal pajjiżna, kif ukoll reġjuni kostali oħra madwar il-Mediterran.
Permezz tal-esebizzjoni interattiva li qed titella fiċ-ċentru Esplora, l-istudenti u l-viżitaturi jistgħu jitgħallmu u jifhmu iktar fuq l-effetti tal-plastik fuq l-ekosistemi marittimi, l-ilma li nixorbu u l-ikel li nieklu.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet kif dan is-suġġett huwa wieħed li jolqot lil kulħadd. Hija enfasizzat li l-effetti tal-microplastics ma jieqfux biss fl-ibħra tagħna, iżda huwa fenomenu li qiegħed iħalli impatt negattiv ukoll fil-ħamrija tagħna, fl-ilma tal-pjan u fl-ikel li nikkunsmaw.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said għamlet referenza għar-riċerka xjentifika riċenti li, fost l-oħrajn, uriet kif fil-Baħar tal-Mediterran preżentament jinsab 7% tal-microplastics kollu dinji, minkejja li l-baħar għandu biss 1% tal-volum tal-baħar globali.
“Bħala Gvern konxji tal-bżonn li nkomplu nedukaw il-ġenerazzjoni futura fuq l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw, u x'qiegħed isir biex negħlbu dan l-ostaklu. Se nkomplu nxandru t-tagħrif xjentifiku filwaqt li nagħmlu ħilitna biex nippreservaw l-ambjent ta' madwarna," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett stqarr “Inħares 'il quddiem biex nara aktar proġetti simili, għax permezz tagħhom ikompli jiżdied l-għarfien ta' kif tista' tiġi ppreservata l-ekosistema tal-baħar tal-Mediterran għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-ibħra tagħna huma sors ta' rilassament matul ix-xhur sħan tas-sajf, kif ukoll huma assi turistiku importanti u sit ekoloġiku importanti. Għalhekk huwa importanti ferm li nkomplu nieħdu ħsieb l-ibħra tagħna."