gov.mt

pr230739

PR230739

18/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX, MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Jitlesta x-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tad-Dwejra f’Għawdex


Tlesta x-xogħol ta' restawr fuq it-Torri tad-Dwejra f'Għawdex. Permezz ta' dan il-proġett, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tkompli ttejjeb il-portafoll turistiku madwar il-pajjiż kollu. 

 

Ix-xogħlijiet inkludew rinnovazzjoni fuq ammont konsiderevoli ta' ġebel fuq il-parti esterna tat-torri li kien tnaqqar maż-żmien minħabba l-elementi naturali li jaħkmu l-inħawi tad-Dwejra. Il-proġett involva wkoll ħidma biex jiġi rranġat it-taraġ ta' barra, it-turret tal-ħitan u anke s-soqfa. Fuq il-parti ta' ġewwa saru wkoll interventi marbutin ma' xogħlijiet elettriċi u dawl ġdid.

 

Dan il-proġett ibbenefika minn kofinanzjament tal-European Regional Development Fund Operational Programme 2014-2020. Dawn id-dettalji tħabbru waqt żjara li saret mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, flimkien mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa.

 

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li permezz tal-ħidma tagħha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkompli tkun minn ta' quddiem biex tippreserva l-patrimonju kulturali. “Irridu nkomplu nirrispettaw l-eżiġenzi li jipposjedi t-turist tal-lum il-ġurnata. Qegħdin naħdmu iżjed biex noffru prodott turistiku diversifikat li fiċ-ċentru tiegħu tispikka l-esperjenza ħolistika pożittiva li għandu jkollhom it-turisti li jżuru l-attrazzjonijiet li għandhom il-gżejjer Maltin," kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

 

Il-Ministru Clint Camilleri qal li r-restawr u l-konservazzjoni ta' siti bħal dan it-torri jkomplu jsaħħu l-portafoll tat-turiżmu kulturali f'Għawdex, li huwa rikk bil-wirt storiku u kulturali li joffri lil dawk kollha li jżuruh. “Huwa importanti li ntejbu l-prodott turistiku u l-potenzjal li Għawdex għandu bħala destinazzjoni, għaliex dan isaħħaħ aktar il-kompetittività tal-gżira bħala destinazzjoni u l-possibbiltà li nattiraw aktar turisti ta' kwalità," qal il-Ministru Camilleri.

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li, “Permezz tal-fondi Ewropej qegħdin nirrestawraw diversi fortifikazzjonijiet kostali storiċi biex nerġgħu nagħtu ġieħ lil dawn il-binjiet ta' importanza storika u kulturali. Dawn ix-xogħlijiet ammontaw għal madwar €235,000, li minnhom madwar €155,000 ġejjin minn fondi Ewropej. Bħala gvern kommessi li bil-fondi Ewropej li nedejna f'Jannar li għadda, inkomplu ninvestu biex nippreservaw il-wirt kulturali u storiku u fl-istess ħin intejbu l-prodott turistiku tal-gżejjer tagħna biex inkomplu nattiraw turisti ta' kwalità f'pajjiżna".

​