Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett nedew seba' skemi ta' boroż ta' studju b'valur totali ta' aktar minn €5 miljun. Dawn huma: Skema ta' Borża ta' Studju dwar Studji Veterinarji; Skema ta' Borża ta' Studju Endeavour II; Skema ta' Borża ta' Studju TESS; Skema ta' Borża ta' Studju tal-Arti; Skema ta' Borża ta' Studju dwar l-Isport; Live the Language; u Reach High II.
Il-Ministru Grima sostna li l-Gvern jagħraf l-importanza tal-akbar riżors li għandu pajjiżna, ir-riżors uman u għalhekk qed jagħti l-opportunitajiet kollha possibbli biex ikun ta' sostenn, anke finanzjarju, għall-istudenti. “Bit-tnedija ta' din is-sena, f'dawn l-iskemi ta' boroż ta' studju s'issa investejna madwar €22 miljun. Dan huwa investiment dirett fl-istudenti tagħna biex ngħinuhom fl-iktar mument importanti ta' ħajjithom u b'hekk ikomplu l-istudji tagħhom u jiżviluppaw aktar l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Aħna nemmnu li l-investiment qawwi fis-settur edukattiv u fl-istudenti jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna," stqarr il-Ministru Grima.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett stqarr li “L-ikbar riżors li għadna f'pajjiżna hija ir-riżorsi umana u l-aqwa investiment li tista' tagħmel fil-pajjiż huwa fir-riżors uman. Permezz tal-fondi Ewropej mill-ESF+ qegħdin noħorġu skemi li kienu ta' suċċess kbir fil-passat, l-iskemi ta' studju Endeavour II kif ukoll ir-Reach High II. Skemi li joffru għajnuna finanzjarja lil studenti li jkunu qegħdin jsegwu kors ta' Livell 7, 8 u anke post-dottorat."
L-iskemi ta' boroż ta' studju huma:
I) Skema ta' Borża ta' Studju dwar Studji Veterinarji
Il-korsijiet li jwasslu għad-Dottorat fil-Mediċina Veterinarja (fil-Livell 7 tal-QMK - Qafas Malti għall-Kwalifiki) s'issa mhumiex disponibbli lokalment. L-iskema tippermetti lill-istudenti li jsegwu l-kors għad-Dottorat fil-qasam Veterinarju (fil-Livell 7 tal-QMK) biex japplikaw u jingħataw pakkett finanzjarju aktar sodisfaċenti li jkopri t-tul tal-kors kollu sat-tlestija li jwassal biex jiggradwaw fil-Mediċina Veterinarja minn Istituzzjoni Rikonoxxuta u b'ċertifikazzjoni fil-livell 7 tal-QMK. Min jirbaħ din il-borża jingħata sa massimu ta' €14,000 fis-sena għall-perjodu tal-5 snin akkademiċi.
II) Skema ta' Borża ta' Studju Endeavour II
L-Endeavour II Scholarships Scheme tappoġġja edukazzjoni terzjarja (fil-Livell 7 tal-QMK u minn din is-sena qed jiżdied Livell 8), ta' kwalità u tassigura li s-suq tax-xogħol Malti jkollu fih l-aħjar individwi u tiggarantixxi li jkun f'pożizzjoni aħjar li jikkompeti fuq livell internazzjonali. L-iskema għandha l-għan li tappoġġja lil dawk li qed isegwu din it-triq biex jirnexxu kemm fil-kisba tal-edukazzjoni kif ukoll biex jikkontribwixxu b'mod effettiv lejn l-ekonomija. L-edukazzjoni post universitarja tifforma parti dejjem aktar importanti mill-aġenda ekonomika u soċjali ta' kull pajjiż u twassal għall-iżvilupp professjonali kontinwu ta' ħafna nies.
III) Skema ta' Borża ta' Studju TESS
TESS (Tertiary Education Scholarships Scheme) hija skema oħra miftuħa għal studenti post universitarji, fil-livell 7 tal-QMK u fil-livell 8 tal-QMK. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament għall-istudenti biex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta' studju t'edukazzjoni għolja u tinkoraġġixxi lill-istudenti jżidu l-livelli ta' riċerka akkademika.
IV) Skema ta' Borża ta' Studju tal-Arti
Il-Malta Arts Scholarships' Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet u appoġġ lill-individwi li għandhom talenti eċċezzjonali fil-ħolqien u/jew il-promozzjoni ta' professjonisti fl-Arti Espressiva, it-Teatru, il-Mużika, iż-Żfin, id-Disinn, il-Kitba Kreattiva, il-Film, l-Arti Viżiva jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom. Din l-Iskema hija għal-Livell 5 QMK sal-Livell 8 QMK.
V) Skema ta' Borża ta' Studju dwar l-Isport
Din l-iskema għandha l-għan li tpoġġi l-isports fuq livell professjonali u se tippromwovi l-iżvilupp ta' atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment jirrappreżentaw lil Malta f'kompetizzjonijiet internazzjonali. Hija intenzjonata għal applikanti f'żewġ kategoriji: dik tal-Ispeċjalizzazzjoni fl-Isport u dik Akkademika. Iż-żieda fl-istatus tal-isport f'Malta mhux biss twassal għal rikonoxximent internazzjonali usa' b'benefiċċji ekonomiċi pożittivi għall-industrija tat-turiżmu imma tinkoraġġixxi wkoll il-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f'titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha. Dawk li jistudjaw full-time barra minn Malta jibbenefikaw minn għotja sa €3,000 fis-sena biex ikopru l-ispejjeż tal-għajxien waqt li jkunu barra.
VI) Live the Language
Din l-iskema tgħin biex nippromwovu b'mod attiv it-tagħlim tal-lingwi barranin għal żgħażagħ ta' bejn l-14 u t-30 sena. Permezz ta' din l-iskema ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu lingwa barranija waqt li jesperjenzaw il-kultura tal-pajjiż. Din l-iskema tgħin liż-żgħażagħ biex isegwu aktar livelli ta' studju f'lingwi barranin kif ukoll itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-ħiliet lingwistiċi f'setturi ekonomiċi differenti tal-ekonomija Maltija. Din l-iskema tagħti għotja sa' €850 li titħallas pro-rata fuq l-irċevuti ppreżentati.
VII) Reach High II
Din l-iskema se terġa' titnieda għall-ewwel darba wara l-2015. Din hija Borża ta' Studju mmirata għall-għotjiet post-dottorat. L-edukazzjoni ta' riċerka post-dottorat titqies bħala waħda ta' importanza għaliex tipprovdi l-mezzi li permezz tagħhom l-attività ta' riċerka tista' tiġi stimulata fi ħdan l-universitajiet u l-industriji. Din l-iskema tibni fuq l-iskema preċedenti Reach High. L-għotja tkopri fost oħrajn, l-istipendju, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż diretti tar-riċerka.
Aktar dettalji kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-iskemi kollha, li jinfetħu bejn l-24 ta' Mejju u t-28 ta' Ġunju, jinstabu fuq https://education.gov.mt/myscholarships/.