Dar Santa Rosa, proġett fis-settur tad-diżabilità fil-Mosta b'investiment privat ta' €3 miljun minn HILA Homes Ltd, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli. Dar Santa Rosa se tkun qed takkomoda tfal u minuri b'diżabilità f'binja u ambjent adattat u bi programmi speċifikament għalihom. Din hija l-ewwel dar ta' din ix-xorta f'Malta.
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet l-investiment privat fis-settur tad-diżabilità bħala fiduċja fil-ħidma tal-gvern li jipprovdi kwalità ta' ħajja aħjar għall-persuni b'diżabilità u fl-istess ħin aktar serħan il-moħħ lil qrabathom.
Il-ministru qalet li, “L-inawgurazzjoni ta' Dar Santa Rosa hija mument ieħor li jiddefinixxina f'dan is-settur. Kull tifel u tifla għandhom dritt li jkollhom ambjent adattat għalihom, irrispettivament mill-abbiltajiet tagħhom." Hija kompliet li l-bżonnijiet tat-tfal jew tal-adoloxxenti mhumiex l-istess bħal dawk ta' anzjan b'diżabilità u għaldaqstant anke s-servizz mogħti jkun differenti. “Nemmen li dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ il-valuri tas-saħħa, l-ugwaljanza, l-inklużività u d-dinjità," temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Dar Santa Rosa għandha 27 kamra tas-sodda mifruxin fuq erba' sulari. Hemm ukoll partijiet komuni, fosthom kmamar għat-terapija, spazju rikreattiv bi ġnien żgħir miegħu li se jkun mgħammar b'apparat sensorjali u oħrajn skont il-bżonnijiet tal-klijenti.
Il-Kap Eżekuttiv ta' HILA Homes Ltd, Janet Silvio, qalet li permezz ta' Dar Santa Rosa se jkollhom l-opportunità jilħqu u jgħinu aktar persuni u familji u jkunu ta' appoġġ konkret għalihom. L-għan huwa li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-familji konċernati u li jżidulhom il-benesseri tagħhom.
Aġenzija Sapport, fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, għandha wkoll ftehim ma' HILA Homes Ltd għal servizzi provduti minn Casa Apap Bologna fil-Mosta. Is-servizzi provduti jkopru servizzi ta' kuljum, servizzi ta' respite għal perjodu qasir u servizzi ta' respite fit-tul lill-adulti u lit-tfal b'diżabilità.