gov.mt

PR230916

PR230916

15/06/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Madwar 1,000 attivist fix-xjenza ltaqgħu għall-Konferenza ECSITE 2023 f’Malta

Madwar 1,000 attivist fil-qasam tax-xjenza minn madwar 50 pajjiż qed jiltaqgħu f'Malta għall-konferenza internazzjonali ECSITE, in-network Ewropew ta' ċentri u mużewijiet tax-xjenza.

 

Il-konferenza, mifruxa fuq tlett ijiem, hija organizzata mill-Esplora Interactive Science Centre u qed issir f'Dar il-Mediterran u fl-Esplora, u fiha qed jipparteċipaw professjonisti u esperti li jaħdmu f'ċentri jew mużewijiet tax-xjenza u t-teknoloġija, entitajiet ta' riċerka, universitajiet u kumpaniji.

 

Fil-ftuħ uffiċjali tal-konferenza l-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza ta' edukazzjoni inklussiva u ekwa, kif ukoll li l-edukazzjoni tkompli taħdem fuq l-ispirazzjonijiet tal-istudenti b'rabta mal-ħtiġijiet tal-industrija u d-dinja tax-xogħol.

 

“Qed naħdmu ħalli noffru lill-istudenti l-opportunitajiet billi nħarsu wkoll lejn il-bżonnijiet tad-dinja tax-xogħol. B'hekk qed nagħtu importanza lis-suġġetti STEM u lill-edukazzjoni li tħares b'mod ħolistiku lejn dak li qed naffaċċjaw fid-dinja tal-lum, fosthom dak li qed niddiskutu f'din il-konferenza: il-kriżi tal-klima u l-bijodiversità; il-misinformazzjoni; l-importanza tax-xjenza; il-ħiliet imfittxija fis-seklu 21; u inklużjoni u ekwità," qal il-Ministru Grima.

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza tax-xjenza fil-ġurnata tal-lum, b'mod partikolari fil-qasam tal-industrija u tax-xogħol. “Malta qed tkompli tenfasizza dejjem aktar fuq is-suġġetti STEM biex inkomplu nkattru s-setturi tagħna u nħallu impatt ekonomiku pożittiv. Ta' kull sena l-investiment lokali fir-riċerka u l-innovazzjoni qiegħed dejjem jiżdied għaliex nemmnu li din hija t-triq 'il quddiem biex noħolqu mhux biss aktar impjiegi, imma karrieri ta' valur. Din il-konferenza tlaqqa' din il-viżjoni tagħna mal-viżjoni ta' diversi pajjiżi oħra minn madwar id-dinja kollha," qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

 

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tonio Portughese tenna li minn kemm ilha li ngħaqdet ma' ECSITE, fl-2011, l-Esplora kienet u għadha membru attiv fl-attivitajiet u fil-bdil ta' informazzjoni fil-forum informattiv u utli tan-network Ewropew. “L-Esplora tinsab konformi mal-għanijiet ta' ECSITE, u l-fatt li qed norganizzaw din il-konferenza din is-sena kien riżultat tal-parteċipazzjoni attiva tagħna. Dan filwaqt li nkomplu nħeġġu lill-pubbliku biex jipparteċipa fil-komunikazzjoni tax-xjenza," qal is-Sur Portughese.

 

Preżenti wkoll għall-ftuħ kien hemm il-President tal-ECSITE Bruno Maquart, li stqarr li din il-konferenza sservi bħala pjattaforma b'saħħitha għal bdil ta' ideat, biex titrawwem il-kollaborazzjoni, kif ukoll biex jiżdied l-involviment tal-pubbliku fix-xjenza.

 

Dan l-avveniment se jservi ta' vetrina għal riċerka permezz ta' sessjonijiet, dibattiti u workshops. Il-programm joffri għażla vasta ta' iżjed minn 80 sessjoni minn iktar minn 300 kelliem fuq suġġetti varji, fosthom il-bijodiversità u l-kriżi tal-klima, l-ekwità u l-inklużjoni, il-ħiliet tas-seklu 21 u l-informazzjoni mhux preċiża.

 

Fost il-kelliema waqt din il-konferenza hemm Dr Lauren Vargas, riċerkatur indipendenti u konsulenta, kif ukoll Rob Hopkins, awtur, podcaster u ko-fundatur ta' Transition Network.