gov.mt

PR230952

PR230952

20/06/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Dipartiment ġdid fl-ITS biex joffri taħriġ vokazzjonali fil-qasam tal-films

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Mediterranean Screen Arts Academy li permezz tiegħu ser jinħoloq dipartiment fi ħdan l-istess ITS biex jiġu offruti programmi ta' taħriġ vokazzjonali fil-qasam tal-films. ​​​​

Dan il-ftehim ġie ffirmat f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech u l-ko-fundatur tal-Mediterranean Screen Arts Academy Trevor Walton.

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif it-tkabbir li esperjenzat l-industrija tal-films f'Malta fis-snin riċenti tirrikjedi li jkomplu jaħdmu qatigħ fuq l-importanza li jsaħħu l-ħiliet filwaqt li jħarsu lejn taħriġ edukattiv li jista' jattira iżjed nies jidħlu f'din l-industrija.

“Huwa kruċjali li l-ITS tkompli tkun proattiva billi toffri iżjed opportunitajiet edukattivi lill-istudenti li jagħżlu karriera fit-turiżmu. Id-dover tagħna jitlob li nkomplu ninkoraġixxu iżjed nies jidħlu f'din l-industrija, biex għada pitgħada t-turiżmu lokali jkollu ambaxxaturi denji f'kull livell tal-prodott turistiku li aħna noffru," tenna l-Ministru Clayton Bartolo.

Il-Ministru żied jgħid li dawn il-programmi ta' edukazzjoni vokazzjonali fl-industrija tal-films huma opportunità biex l-industrija tal-films f'Malta tkompli tgħolli l-livell fejn jidħol ir-riżors uman.

 

Il-Kap Eżekuttiv Pierre Fenech irrimarka kif l-ITS qegħda tagħti importanza lin-niċeċ turistiċi li jinkorporaw il-prodott turistiku lokali. “Wara li ffirmajna ftehim importanti ma' waħda mill-iżjed skejjel reputabbli fid-dinja tal-għadds, qegħdin nestendu l-viżjoni tagħna għall-industrija tal-films. Dan il-ftehim ta' kollaborazzjoni ser jgħin bil-kbir biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-edukazzjoni li joffri l-ITS," temm jgħid il-kap eżekuttiv.

Il-ko-fundatur tal-Mediterranean Screen Arts Academy Trevor Walton qal li jinsabu ottimisti li din il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet ser tissarraf f'suċċess.