Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbru li matul is-sajf li ġej, iż-żoni madwar il-kosta meqjusin bħala dog-friendly żdiedu għal 16—12-il bajja f'Malta u 4 f'Għawdex.
Matul ix-xahar ta' Marzu, id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, b'mod konġunt ma' ħaddiema tas-Saħħa Ambjentali, eżaminaw diversi żoni u bajjiet differenti f'pajjiżna. Wara li evalwaw mas-sittax-il proposta differenti, ġew magħżula bajja oħra fin-Nofsinhar ta' Malta f'Marsaskala, bajja fiċ-Ċirkewwa, bajja fil-Mellieħa, u tnejn oħra fil-gżira Għawdxija.
Dawn il-bajjiet ġew magħżula wara rapport intensiv fuq il-kwalità tal-ilma li jinsab f'dawn iż-żoni, il-bżonn ta' distanza raġjonevoli minn żoni tal-għawm preżenti, u l-aċċessibilità ta' dawn iż-żoni mill-annimali u s-sidien tagħhom.
Il-Ministru Refalo fid-diskors tiegħu elenka numru ta' miżuri li seħħew fl-aħħar snin minn dan il-Gvern favur il-ħarsien tal-annimali, fejn semma kif b'dak imħabbar illum il-Gvern qed iwettaq wegħda elettorali oħra, wara konsultazzjoni mal-partijiet involuti.
“Matul dawn is-snin wettaqna numru ta' miżuri, nibda bit-tisħiħ fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, l-għajnuna finanzjarja li tajna lill-NGOs u l-Kunsilli Lokali sabiex ikomplu bil-ħidma tagħhom f'dan il-qasam, l-introduzzjoni u t-tisħiħ ta' liġijiet favur id-drittijiet tal-annimali, rikonoxximent lil dawk li jaħdmu f'dan is-settur, fost l-oħrajn. B'din iż-żieda fiż-żoni tal-għawm dog-friendly qed nipprovdu aktar żoni għall-klieb u s-sidien tagħhom," temm jgħid il-Ministru Refalo.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said sostniet “Bħala Gvern nirrikonoxxu l-bżonn ta' iktar spazji miftuħa biex id-diversi sidien ikunu jistgħu jieħdu lill-klieb tagħhom u jgawdu l-baħar. Għaldaqstant, b'dak li qegħdin nippreżentaw illum huwa pass sinjifikanti fit-twettiq ta' din il-wegħda elettorali. Il-benefiċċji li joħorġu minn dawn l-inizjattivi huma ħafna – kemm għas-sidien li qed inżidulhom l-ispazji fejn jistgħu jqattgħu aktar ħin mal-klieb tagħhom, kif ukoll għall-annimali infushom."
Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet billi faħħret il-ħidma li saret mill-uffiċjali tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali u fakkret kif dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn il-bajjiet għandhom ikunu responsabbli.
Il-lista ta' dog-friendly beaches li se jkunu aċċessibbli huma:
- Daħlet ix-Xmajjar, Mellieħa
- Ramlet it-Torri, Mellieħa
- Bajja tal-Imġiebaħ, Selmun, Mellieħa
- Ramlet il-Qortin, Mellieħa
- Ir-Ramla ta' Wied Musa, Ċirkewwa
- Baħar iċ-Ċagħaq, wara l-Isplash and Fun, Naxxar
- Tigne Point, Sliema
- Il-Bajja tar-Rinella, Kalkara
- L-Ilsien, Żonqor Point, Marsaskala
- Il-Bajja ta' San Tumas, Marsaskala
- Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk
- Bajja viċin is-Sailing Club, Birżebbuġa
- Il-Bajja tal-Qbajjar, Żebbuġ
- Ras il-Ħobż, Għajnsielem
- Il-Bajja ta' Gorgun, Mġarr, Għawdex
- Il-Bajja tad-Dwejra, San Lawrenz