gov.mt

pr231080

PR231080

10/07/2023

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitħabbru l-ħames proġetti li se jibbenefikaw min-National STEM Community Fund 2023


F’konferenza tal-aħbarijiet ġew imħabbra l-ħames proġetti li se jibbenefikaw minn fondi allokati għat-tieni edizzjoni tan-National STEM Community Fund 2023. L-għan ta’ dan il-fond komunitarju huwa sabiex iżid aktar għarfien tas-suġġetti STEM fil-komunità.

 

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti stqarr kemm huwa importanti li jiżdied l-għarfien ta’ STEM fil-komunità. “Qed inkomplu nżidu l-għarfien fis-suġġetti STEM għaliex nafu li kemm fil-preżent u anke fil-futur, dawn is-suġġetti se jkunu indispensabbli fil-ħajja tagħna. Għaldaqstant huwa essenzjali li l-edukazzjoni tas-suġġetti STEM ma tieqafx biss fl-iskejjel, iżda tinxtered ukoll fil-komunità biex in-nies jaraw il-benefiċċji tagħha,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

 

Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) Tonio Portughese fejn qal li l-Kunsill għandu l-għan li jgħin lir-riċerkaturi lokali jwettqu proġetti għall-ġid komuni. Kompla li dan il-fond qiegħed mhux biss jilħaq dan il-għan, iżda jagħti lok lir-riċerkaturi jinvestu l-isforzi tagħhom fil-qalba tal-komunità mal-komunità innifisha.

 

Il-Kap tal-Esplora Olaf Mc Kay tenna li, “Il-ħsieb ta' dan il-fond huwa li jispira u jippermetti li proġetti bbażati fuq aspetti teoretiċi u prattiċi tal-erba’ pilastri li jifformaw STEM, jiġifieri x-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika, ikunu jistgħu jiġu implimentati. Proġetti maħluqa mill-komunità għall-komunità.”

 

Il-proġetti magħżula huma:

 

Grow Your Own – użu ta’ hydrophonics fil-ġonna għall-agrikoltura sostenibbli. Proġett mill-Kulleġġ De La Salle;

 

Beat the Wheat – celiac screening għall-komunità. Proġett mill-Assoċjazzjoni Maltija tax-Xjentisti Bijomediċi (MABS);

 

Bombs to Batoids – Filfla Nature Reserve at 35 – l-istat attwali tal-ewwel Riserva Naturali Maltija. Proġett minn Sharklab-Malta;


D.I.C.E. - Design, Innovate & Connect Efficiently – Proġett mill-Kulleġġ t’Għawdex;


STEMmersion – tagħlim dwar STEM. Proġett mis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika.


Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur National STEM Community Fund​ 2023 – Awardees - Esplora​​.​