gov.mt

pr231109

PR231109

13/07/2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER “Il-poplu Malti u Għawdxi jħobb lill-familja, il-qofol ta' kull poplu u nazzjon, is-sisien ta' kull soċjetà li qed taspira dejjem għal ġejjieni aħjar għal uliedha" – Speaker Anġlu Farrugia



“Il-poplu Malti u Għawdxi jħobb lill-familja, il-qofol ta' kull poplu u nazzjon, is-sisien ta' kull soċjetà li qed taspira dejjem għal ġejjieni aħjar għal uliedha",  tenna l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta dalgħodu ppresjeda konferenza dwar ir-rata baxxa tat-twelid f'Malta – sfida eżistenzjali, liema konferenza ġiet organizzata flimkien mal-Malta Employers' Association (MEA).

 

Fid-diskors li għamel, l-Ispeaker qal li bejn is-snin disgħin sal-lum, il-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin żdiedet minn 365,392 għal 535,064 fis-sena 2023. Ir-rata ta' żieda kull sena fil-popolazzjoni kienet ta' ftit anqas minn wieħed fil-mija fis-snin disgħin, għal kważi 2.5 fil-mija fl-ewwel għoxrin sena tas-seklu 21. Huwa qal li l-istatistika turi wkoll li Malta tinsab fit-tmien post fost il-pajjiżi bl-ogħla rata ta' densità ta' popolazzjoni għal kull kilometru kwadru meta r-rata medja rigward densità tal-popolazzjoni fid-dinja hi ta' 16 il-persuna għal kull kilometru kwadru.  L-Ispeaker Farrugia kompla billi qal li fis-sena 2000, ir-rata ta' densità tal-popolazzjoni f'Malta kienet ta' 1,267 persuna, illum, qrib 1,700 persuna għal kull kilometru kwadru.  L-iSpeaker saħaq li jekk il-popolazzjoni ser tkompli tiżdied b'din ir-rata, din jista' ikollha impatt negattiv fuq il-livell ta' għajxien u dinjituż tal-persuna u anke s-sostenibbiltà ambjentali, kulturali, ekonomika, soċjali tal-gżejjer Maltin.

 

Dwar ir-rata tat-twelid f'Malta, l-Ispeaker irrifera għal EuroStat li qed turi li filwaqt ir-rata tat-twelid (fertility rate) fl-Unjoni Ewropea tul is-snin bejn 2012 u 2021 kienet ftit u anqas minn 1.55 fil-mija, ir-rata f'Malta niżlet fl-2019 għal 1.15 fil-mija.  L-Ispeaker irrimarka li l-popolazzjoni Maltija mhix qed tiġġedded għax ir-rata hi anqas mir-replacement rate ta' tnejn, tal-omm u l-missier. Pajjiżna jeħtieġ jagħraf l-importanza li n-numru tat-tfal jiżdied għal aktar minn tnejn f'kull familja l-għaliex b'hekk biss tista' tibda tiġġedded il-popolazzjoni Maltija. 

 

L-Ispeaker saħaq li pajjiż mingħajr tfal hu wieħed mejjet u bla futur. Hu kompla billi qal li fiċ-ċokon ta' pajjiżna, b'tant limitazzjonijiet kemm bħala territorju u riżorsi naturali, kull persuna għalhekk għandha dimensjoni ta' aktar valur għoli f'Malta, għaliex il-fakultajiet intellettwali, l-għerf u l-valuri għonja, ħiliet edukattivi, professjonijiet, snajja' u kapaċitajiet fiżiċi oħra, mhux biss iżejnu lill-individwu, iżda jagħtu lil Malta u Għawdex dak kollu li hu neċessarju biex bħala poplu jaspira għal għajxien dinjituż u wieħed tassew sostenibbli.

 

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għad-Djalogu Socjali Andy Ellul, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u l-MPs Claudette Buttigieg  u Alex Muscat, filwaqt li l-konferenza tkompliet titmexxa u ngħalqet mid-Deputy Speaker David Agius.

 

 

​