gov.mt

pr231307

PR231307

06/09/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Infrastruttura diġitali aktar b’saħħitha b’investiment ta’ €100 miljun minn GO


Il-futur ta' pajjiżna jiddependi minn kemm se jkollna infrastruttura b'saħħitha li filwaqt li taħsad l-opportunitajiet, tilqa' wkoll għall-isfidi tad-dinja diġitali . Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri waqt li żar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq it-true fibre network mill-GO, f'Ħal Luqa, b'investiment ta' €100 miljun. Filwaqt li 75% ta' pajjiżna huwa diġà milħuq b'din l-infrastruttura, b'dan l-investiment se naraw il-pajjiż kollu jiġi inkorporat f'dan in-network sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

 

“Li diġà kellna bażi diġitali b'saħħitha kienet kruċjali, b'mod partikolari matul il-pandemija meta l-kuntatt b'mod diġitali mal-qraba u l-ħbieb kien iktar essenzjali, għalhekk kien importanti li kumpaniji bħal GO setgħu jibqgħu jipprovdu servizz u jibqgħu joperaw f'ċirkostanzi straordinarji. Li fl-aħħar mill-aħħar wassal għall-irkupru aktar malajr mill-pandemija u għalhekk setgħu jkomplu jinvestu f'pajjiżna. Dan l-investiment juri  wkoll id-dedikazzjoni li għandhom GO lejn l-avvanz teknoloġiku ta' pajjiżna. Proġetti ta' dan it-tip ma jsirx f'iżolament, iżda huwa frott kollaborazzjoni bejn entitajiet diversi tal-Gvern, fosthom l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, MCA u s-settur privat. U dak li qed jagħmlu GO se jwassalna għal infrastruttura aktar soda li se tilqa' għall-bżonnijiet ta' konnettività mhux biss tal-lum, iżda wkoll tal-futur. Flimkien se nkomplu nibnu Malta li hi teknoloġikament progressiva, ekonomikament soda u inklużiva għal kulħadd," qal il-Ministru Silvio Schembri.

 

Is-CEO ta' GO Nikhil Patil qal li l-proġett tat-True Fibre Network beda fl-2016 u jinsab għaddej b'ritmu mgħaġġel, hekk kif s'issa 75% tad-djar u 80% tan-negozji għandhom din it-teknoloġija. “Ir-reżiljenza tagħna fuq l-internet se tkompli tiżdied u għalkemm illum ma nistgħux nbassru l-futur, nistgħu nibnu network li jkun jista' jilqa' għall-ambizzjonijiet diġitali tal-futur."​