PR231395

19/09/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: €10 miljun f’Venture Capital Fund biex il-Gvern jinvesti fi start-ups f’oqsma ta’ teknoloġija innovattiva


Il-Gvern se jkun qiegħed iwaqqaf Venture Capital Fund ta' €10 miljun, immirat biex il-Gvern jipprovdi investiment b'ekwità f'kumpaniji start-ups iffukati fuq teknoloġiji innovattivi bħal video game development, Fintech u E-sports.

               

Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, waqt il-ftuħ uffiċjali tal-ewwel TECHXPO li qed tittella' f'pajjiżna.

 

“Qed inkomplu naħdmu fuq miżuri biex niffaċilitaw in-negozju ta' kwalità f'pajjiżna. Il-bidu ta' kull start-up ikun l-aktar żmien diffiċli, partikolarment jekk is-settur ma jkunx wieħed tradizzjonali. Għalhekk ħassejna l-bżonn li jintervjeni l-Gvern biex jgħin dawn l-istart-ups jibdew it-triq tagħhom biex ikunu jistgħu jimirħu," qal il-Ministru Silvio Schembri.

 

L-għan ewlieni ta' dan il-fond huwa li jinvesti f'kumpaniji b'prodotti u soluzzjonijiet innovattivi, biex f'pajjiżna jkun hawn ekosistema sħiħa ta' appoġġ inkluż ta' finanzjament.

 

Kumpaniji start-ups li jkunu qegħdin fl-istadju ta' kummerċjalizzazzjoni se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan il-fond. Din l-iskema, il-Malta Venture Capital Scheme, se tkun immexxija mill-Malta Government Investments u aktar 'il quddiem se tkun qed titwaqqaf kumpanija speċifika, Malta Government Ventures, proprju għal dan il-għan.

 

Se jkun qed jitwaqqaf ukoll bord tad-diretturi, bil-għan li jiddefinixxi l-investment policy li se tkun qed topera din l-iskema. Il-bord tad-Diretturi se jkun magħmul minn rappreżentanti minn entitajiet governattivi li jħaddmu l-aktar għajnuna lill-privat fosthom l-MGI, il-MIMCOL, il-Malta Enterprise, il-Malta Development Bank, in-National Development and Social Fund, u Gaming Malta.

 

Se jkun qed jitwaqqaf ukoll kumitat, biex jassisti lill-bord biex jassessja l-applikazzjonijiet. Kull start-up se tkun tista' tingħata sa massimu ta' nofs miljun ewro f'ekwità. Għaldaqstant huwa stmat li, fuq medda ta' sentejn, se jsiru investimenti f'madwar 20 kumpanija.

 

Is-setturi li se jkunu jibbenefikaw minn dan l-investiment huma dawk innovattivi bħal video gaming, esports, ICT, Fintech, Life Sciences, Pharma, Green Energy, Filming Industry, Agritech, AI, Communications, Electronics, Financial Services, Medical Devices, Software, Technology, VR, Bluewater Industries, u Teknoloġiji Diġitali.

 

“Dan il-Gvern kommess li jkompli jaħdem favur tkabbir ekonomiku sostenibbli, li jilqa' l-innovazzjoni u li jkun fuq quddiem nett f'din ir-revoluzzjoni diġitali. Ejja nkomplu naħdmu flimkien favur dan sabiex nassiguraw li d-diġitalizzazzjoni u l-AI f'pajjiżna jkomplu mixjin 'il quddiem u jagħmluna iżjed attraenti u kompetittivi filwaqt li joħolqu impjiegi ta' kwalità," temm jgħid il-Ministru Schembri.

 

Intant, l-Erbgħa 20 ta' Settembru, fl-isfond tat-TECHXPO, se tkun qed titlaqqa' wkoll il-laqgħa tal-MED9, fejn flimkien mal-Ministru Silvio Schembri se jingħaqdu tmien Ministri, jew Rappreżentanti Għolja, ta' 8 pajjiżi stati membri tal-Unjoni Ewropea li huma pajjiżi tal-Mediterran, kif ukoll id-Direttur Ġenerali għall-Kommunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija tal-Kummissjoni Ewropea Roberto Viola, fejn se tkun qed tiġi diskussa fost oħrajn l-Intelliġenza Artifiċjali u kif dawn il-pajjiżi jistgħu jikkooperaw flimkien għall-ġid taċ-ċittadini tal-istati membri.​