Għat-tmien sena konsekuttiva, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora nieda programm edukattiv ġdid għall-iskejjel. Permezz ta' dan il-programm mimli attivitajiet, u l-metodi ta' tagħlim li Esplora jħaddan, se tkompli titqanqal il-passjoni lejn is-suġġetti tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (STEAM).
Il-programm edukattiv għall-iskejjel jinkludi diversi opportunitajiet imħallta ta' tagħlim, permezz ta' attivitajiet ta' Xjenza, workshops prattiċi kif ukoll esperjenzi fil-Planetarium, li huwa immirat għall-istudenti mill-klassijiet tal-Kindergarten 'il fuq. Filwaqt li l-programm jorbot mal-kurrikulu u s-sillabi, jipprovdi diversi opportunitajiet għall-istudenti biex irawmu l-ħiliet u l-kompetenzi tas-seklu 21 permezz tax-Xjenza.
It-tnedija tal-programm saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u l-Kap ta' Esplora Olaf McKay.
“Qed naħdmu biex aktar studenti jagħżlu suġġetti STEAM, anki permezz tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-settur formali u dak mhux formali. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' Esplora huwa li jħajjar l-istudenti jagħżlu aktar dawn is-suġġetti," spjega l-Ministru Clifton Grima. Huwa qal li l-ħidma fis-settur edukattiv qed tara li l-istudenti jingħataw l-aktar opportunitajiet possibbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, opportunitajiet li jmorru wkoll lil hinn mill-kurrikulu li jitgħallmu fl-iskejjel u li jingħataw sa minn età bikrija.
Matul iż-żjarat ta' orjentazzjoni tal-karriera offruti minn Esplora, l-istudenti jipparteċipaw f'workshops interattivi b'attivitajiet ta' tagħlim ibbażati fuq diskussjoni li jipprovdulhom l-opportunità li jiskopru xi wħud mill-ħiliet u l-abbiltajiet tagħhom. Dawn iż-żjarat huma organizzati b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Servizzi Nazzjonali ta' Appoġġ għall-Iskejjel (NSSS) fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza tax-xogħol tal-Esplora fl-edukazzjoni taċ-ċittadini, b'mod partikolari tat-tfal. “Aħna rridu noffru edukazzjoni sħiħa, interattiva u aktar minn hekk inklussiva. Permezz tal-Esplora qegħdin nwasslu t-tagħlim tas-suġġetti STEAM liċ-ċittadini. B'dan il-programm qegħdin noffru din l-esperjenza ta' tagħlim lill-iskejjel kollha bi programm varat apposta għalihom," kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti. Huwa kkonkluda billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Esplora u ħeġġeġ l-iskejjel jagħmlu użu minn dawn is-servizzi edukattivi.
Waqt it-tnedija, il-Kap ta' Esplora Olaf McKay qal, “L-għan tal-Esplora huwa li nqarrbu x-xjenza u t-teknoloġija lejn il-pubbliku. B'hekk inkunu qed nibnu komunità li tistaqsi u li trawwem fiha kurżità xjentifika. Irridu naraw li x-xjenza u t-teknoloġija hija l-avventura ta' kulħadd, għalhekk huwa għaqli li nibdewhom minn żgħar."
Il-programm edukattiv huwa aċċessibbli online fuq is-sit elettroniku https://esplora.org.mt/wp-content/uploads/2023/09/Educational-booklet-23-web.pdf