gov.mt

pr231498

PR231498

02/10/2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM IMĦALLEF Messaġġ mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti fl-okkażżjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi, illum it-2 ta’ Ottubru, 2023

Is-sena li għaddiet fid-diskors li għamilt, iffukajt fuq bżonnijiet, nuqqasijiet u proposti għall-amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja f'pajjiżna. Ser niddedika l-ewwel parti ta' dan id-diskors biex inħares lura u nislet dak li fil-fehma tiegħi kienu fatturi pożittivi li għenu biex il-Qrati jkollhom l-għodda biex il-ġustizzja ssir kif imiss u f'waqtha.

 

Il-Qrati tal-Appell Superjuri Ċivili, ingħataw iż-żieda ta' żewġ Imħallfin oħra biex b'hekk issa hemm tliet sezzjonijet sħaħ tal-appell li jisimgħu kemm l-appelli l-antiki li qed jonqsu ġmielhom, flimkien ma' appelli bil-proċedura l-ġdida li qed jiżdiedu fil-volum, però li qed jiġu deċiżi fi żmien raġonevoli, jekk ma ngħidx qasir. Fenomenu mhux  previst però u nixtieq nenfasizzah, dan l-aħħar sena u nofs, l-appelli Kostituzzjonali żdiedu b'rata għolja ħafna tant illi dak li dejjem xtaqt li jkun hawn f'Malta, ċioè kompożizzjoni ta' Imħallfin fl-appell, li tisma' biss appelli ta' natura Kostituzzjonali u mhux ukoll appelli ċivili u kummerċjali, kif wara kollox hemm fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, qed isseħħ fil-prattika għaliex bil-volum kbir ta' appelli ta' din ix-xorta l-Imħallfin li jpoġġu fl-ewwel sezzjoni tal-Qorti tal-Appell Superjuri li tradizzjonalment tisma' l-appelli Kostituzzjonali mhux qed ikollhom ċans jisimgħu u jaqtgħu appelli ċivili u kummerċjali minħabba l-volum kbir ta' kawżi b'xeħta Kostituzzjonali li qed jinġiebu quddiem il-Qrati. Mill-banda l-oħra dan ifisser illi ż-żewġ sezzjonijiet l-oħra qed u ser ikollhom jitgħabbew b'appelli ċivili u kummerċjali aktar milli kien ikun is-sehem tagħhom. Dan qed iġib sfida kbira ta' tqassim ta' appelli u għoti ta' sentenzi f'qasir żmien però għalissa għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal xi konsiderazzjoni ta' bżonn ta' xi aġġustament fil-kompożizzjoni fil-Qrati tal-Appell.

 

Ma' din it-tema ma nistax ma nurix l-apprezzament tiegħi lil Ministru tal-Ġustizzja li nħatru żewġ Imħallfin ġodda biex jidħlu flok żewġ Imħallfin oħra fil-Qorti tal-Appell li waslu biex jirtiraw bl-età, u dan qabel ma fil-fatt jirtiraw, biex ma jkunx hemm waqfien tal-appelli bejn l-irtirar u n-nominata l-Imħallfin ġodda u b'hekk l-appelli jibqgħu mexjin bla tfixkil jew waqfien. Nawgura li din issir il-prassi regolari għal ħatriet futuri tal-ġudikatura kollha.

 

Billi l-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph R. Micallef, it-tnejn parti mit-tieni sezzjoni tal-Qorti tal-Appelli Superjuri,

mhux ser jibqgħu parti mill-korp tal-ġudikatura għas-sena forensi li jmiss għax ser jirtiraw, nirringrazzjahom għall-integrità li biha qdew is-servizz tagħhom u l-kontribut tal-għerf legali u prattiku li taw lis-sistema ġudizzjarja fis-snin twal li damu żejnu s-sedja li kienu u sa ftit żmien ieħor fadlilhom jokkupaw. 

 

In-nuqqas tagħkom ser jinħass Tonio u J.R.

 

Nilqa' wkoll b'sodisfazzjon is-sejħa li għamel il-Ministru tal-Ġustizzja għal membru ieħor ġdid tal-ġudikatura, wara li jien esprimejt il-fehma li s-sezzjoni kummerċjali tal-Qorti Ċivili kien jeħtieġ Imħallef ieħor biex il-kwistjonijiet li jitressqu quddiemha jingħataw attenzjoni aħjar u deċizjonijiet studjati fi żmien raġonevoli.  Nittama illi tittieħed f'qasir żmien id-deċizjoni mill-Eżekuttiv biex il-Qrati kollha fejn possibbli jibdew jiddiversifikaw, fis-sens li jkollna Qrati speċjalizzati mogħnija bil-binja, reġistru amministrattiv u ħaddiema klerikali, u li xogħolhom ikun biss relatat mal-Qorti speċjalizzata li jkunu jagħmlu parti minnha. Dan żgur jgħin għal amministrazzjoni aktar effiċjenti, għax il-Qorti partikolari tkun qed tiffoka biss fuq materji speċjalizzati, kif ukoll tgħin lill-ġudikant għal għarfien aktar profond tal-kumplessitajiet legali u fattwali li qed inħabbtu wiċċna magħhom f'dinja dejjem tevolvi b'rata mgħaġġla.

 

Nifhem illi l-proposti l-oħra li saru dwar il-Qorti tal-Familja u l-Qorti Kriminali u l-Qorti ta' Għawdex kif spjegajthom fid-diskors tas-sena l-oħra qed jiġu kkunsidrati b'serjetà mill-Eżekuttiv u għalkemm naf li dawn mhumiex proposti li jiġu attwati f'ħakka ta' għajn, però nħeġġeġ lill-Eżekuttiv li jagħti l-importanza meħtieġa għal dawn is-setturi fil-qasam tal-ġustizzja għaliex huma miżuri bħal dawn fejn il-Qorti tkun speċjalizzata u allura iżgħar u inqas ingumbrata b'xogħol mhux relatat, jgħinu mhux biss biex tiżdied l-effiċjenza u l-konoxxenza legali u prattika ta' kull min hu involut f'dak is-settur partikolari, iżda aktar, jien nemmen li jressaq liċ-ċittadin aktar viċin il-ġustizzja. Dik il-ġustizzja li jmissha b'idejh li ma tibqax biss xewqa mbiegħda mir-realtà.

 

Dan kollu jġib miegħu sfidi oħra f'dik li hi teknoloġija moderna, faċli biex tuża u aċċessibbli, kif ukoll impjegati ta' kwalità u kwalifikati li jidħlu għal impenn qawwi, dedikat u sensittiv. Għalkemm nifhem li ttaffiet xi ftit il-problema diffiċli ħafna li kellna s-sena l-oħra ta' nuqqasijiet ta' impjegati, xorta għadu jinħass nuqqas qawwi ta' staff f'kull livell li hu ta' kwalità, għax mhux in-numru biss hi l-konsiderazzjoni maġġuri.

 

Kultant ħaddiem wieħed ta' kwalità jsarraf daqs erbgħa li jxekklu flok iħaffu l-proċess. Dawn il-ħaddiema rridu nindukrawhom. Il-mira tintlaħaq biss b'kundizzjonijiet tajba li jitqabbel mar-responsabbiltà tas-servizz mistenni. Jekk mhux ser ninvestu fil-ħaddiema ta' kwalità b'kondizzjonijiet li jixirqu l-kapaċitajiet tagħhom, b'tagħlim u b'aġġornament kontinwu, speċjalment qabel ma jidħlu għar-responsabbiltà mistennija minnhom, u li allura jsarraf fl-impenn li mistenni jagħtu, mhux possibbli għal ġudikant li jaqdi dmiru kif mistenni u kif inhu obbligat. Inutli per eżempju jkollok skrivan li ma jafx jikteb sew bl-Ingliż jew bil-Malti jew ħaddiema fir-reġistru li ma jkunux jagħrfu t-tip tal-atti legali li jiġu f'idejhom.

 

Jibqgħu però problemi li fil-fehma tiegħi għadhom ma bdewx jinstabu soluzzjoni adegwata u effikaċi għalihom biex iċ-ċittadin iserraħ moħħu li ser isib ġustizzja meta jmiss mal-Qorti, b'mod effiċjenti u fi żmien raġonevoli.

Qabel però ma nressaq il-ħsieb tiegħi fuq din il-kwistjoni nħoss illi għandi naqsam magħkom il-fehma tiegħi li ma hemmx biżżejjed għarfien fuq il-ħidma fil-Qorti, kif iseħħu l-proċeduri u l-interazzjoni bejn il-ġudikant, il-partijiet u l-avukati u kif jitħaddmu ċertu liġijiet speċjalment dawk li jqanqlu interess fil-pubbliku, u għalfejn xi deċiżjonijiet tal-Qrati tagħna jidhru inkonsistenti jew mhux ċari, mentri fil-maġġoranza tal-każijiet dan ikun dovut għal nuqqas ta' għarfien ta' dak li hu fis-setgħa u d-diskrezzjoni ta' ġudikant skont il-liġi. Kif jista' jkollok fehma fuq ġrajja legali li ma tiġix spjegata kif imiss b'mod kritiku, ċar u oġġettiv u mingħajr ebda interess ieħor mistur. 

Filwaqt li l-aċċess għal Qorti hu dritt fundamentali però dan ma jfissirx li l-aċċess innifsu ser jagħti lil persuna suċċess f'dak li jitlob. Il-liġi qiegħda hemm biex tiġi osservata minn kulħadd u l-ġudikant hu fid-dmir li japplika l-liġi għalkemm f'dan l-irwol irid jittieħed kont u jinżamm bilanċ bejn dak li l-lingwa latina b'mod tant elokwenti issejjaħ il-'ius face'u l-'iusto face' ċioe' t-twettiq ta' dak li hu ġust u sewwa bl-applikazzjoni tal-liġi fejn il-ġudikant għandu l-irwol li jipproteġi lis-soċjetà minn kull element li jfittex li jimmina l-liġi jew Ii jqis lilu innifsu 'l fuq mil-liġi.

 

F'dan ir-rwol delikat u sensittiv il-ġudikant irid permezz tal-liġi, imma b'sens ta' ħaqq u umanità jħares il-ġid komuni. Hemm bżonn li s-sistema ġudizzjarja tersaq viċin iċ-ċittadin, billi dan jifhem l-rwol tal-ġudikant, l-uffiċjali tal-qrati u l-proċeduri li jagħtuh ċertu għarfien bażiku.

 

Per eżempju ċertu proċeduri jitwalu, kemm għax fl-istess proċeduri jitqanqlu kwistjonijiet oħra proċedurali marbuta mal-każ, li jridu jiġu deċiżi qabel, jew għal diversi raġunijiet u ostakoli oħra li jista' jsib quddiemu proċess ġudizzjarju, li però mhux ser nidħol fihom f'dan id-diskors għax m'hemmx il-ħin għal diskussjoni daqshekk komplikata.

 

Jeħtieġ dan l-għarfien f'kull qasam, ibda mill-iskejjel li jrawmu lill-istudenti fuq it-tħaddim tas-sistema ġudizzjarja speċjalment fejn jidħlu drittijiet u obbligi taċ-ċittadin f'soċjeta' demokratika, il-mezzi pubbliċi tax-xandir b'kollaborazzjoni mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja li jtellgħu programmi edukattivi fuq il-varji dixxiplini legali, kemm kriminali, kummerċjali u ċivili u kif jaħdmu, u anke mill-ġudikatura nfisha li tipparteċipa, kif ġa tagħmel b'mod limitat f'konferenzi speċjalizzati li jispjegaw kif iseħħ proċess ta' kwalsiasi natura mill-lenti proċedurali mingħajr ma wieħed jidħol fl-ispeċifiku ta' każ partikolari iżda biss u sa fejn jeħtieġ spjegazzjoni dwar in-natura legali ta' proċess ġudizzjarju kemm dak sostantiv u proċedurali, u kif il-liġi torbot mal-bniedem kemm fiżiku u kemm ġuridiku, kemm dak li qed ifittex rimedju għal xi nuqqas u anke dak li kontra tiegħu qed jiġi mfittex rimedju jew sanzjoni.  F'dan il-kuntest ir-riżorsi tal-Ministru tal-Ġustizzja jkunu ta' fejda kbira għal dan l-għarfien.  Sfiq ma' dan jeħtieġ li l-professjoni legali tkun waħda awtentika u dixxiplinata mmirata biex tkun ta' għajnuna biex jitmexxa l-proċess quddiem Qorti fejn jinħoloq dak il-bilanċ delikat bejn id-dover lejn il-klijent u l-lealtà lejn il-proċess ġudizzjarju biex jasal fi tmiemu bla xkiel mhux mistħoqq.  Wasalna fi żmien fejn din il-qabża trid issir għax qed issir ħsara bla bżonn.

 

Dan però mhux ser iġib fix-xejn l-isfida tad-dewmien fejn kulħadd irid jiġbed l-istess ħabel fl-interess tas-sewwa għaliex ġustizzja Ii ma ssirx fi żmien raġonevoli meqjusa l-komplikazzjonijiet involuti fil-każ partikolari hi tebgħa fuq kull min hu involut mod jew ieħor f'dan il-qasam u mhux xieraq għall-Istat Malti bi tradizzjoni antika ta' sistema ġudizzjarja li bid-difetti kollha tagħha dejjem ħarset l-interess tal-ġustizzja u s-sewwa.

 

Nemmen li l-Qorti, bil-kritika kollha magħmula lejha għadha u tibqa' istituzzjoni indispensabbli għad-demokrazija vera, ħajja u tanġibbli u mhux biss istituzzjoni mogħnija b'sensiela ta' liġjijiet u regoli ta' kull natura, li meta applikati, issib li jistgħu impunement jiġu injorati jew inosservati jekk mhux ukoll kalpestati b'azzjonijiet jew in-nuqqas tagħhom li jmorru kontra l-essenza tad-demokrazija u s-setgħa tad-dritt u s-sewwa.

 

Madankollu rridu nammettu u ma nibqgħux ninħbew minn realtà ta' sistema li mhix tagħti riżultati kif mistennija fi stat demokratiku Ewropew u hawn nerġa' nirreferi għal dak li aċċennajt qabel rigward sistema ġudizzjarja effiċjenti u fl-istess waqt ippreparata u dixxiplinata bla skuzanti. Il-Qorti Kriminali u l-Qorti tal-Familja kif ukoll il-Qorti ta' Għawdex bil-volum ta' xogħol u numru ta' ġudikanti qed iżommu wiċċhom il-fuq mill-ilma imma bl-eżatt. Il-pressjoni ta' xogħol fuqhom dejjem jikber kemm minħabba n-numru, id-diversità u l-kumplessità tal-vertenzi qed tiġi kkaġunata b'mod partikolari fil-fehma tiegħi mill-volum kbir ta' nies jew entitajiet legali li f'dawn l-aħħar snin ġew jgħixu jew jirrisjedu jew għandhom xi konnessjoni legali ma' Malta u li fejn jinqalgħu problemi legali dawn iridu jiġu indirizzati mill-Qrati tagħna. Meta wieħed iqis li dawn il-Qrati ftit li xejn kellhom x'jilqa' għal dan il-fenomenu, kemm bħala numru ta' ġudikanti u numru u kif ukoll bħala kwalità ta' ħaddiema għax-xogħol kollu amministrattiv u klerikali, spazju mnejn jaħdmu u liġijiet proċedurali li ma ttejbux biex jilqgħu għal dan il-fenomenu, hu tabilħaqq mertu tal-ġudikanti u l-istaff attwali li s-sistema ma ġġarfitx minkejja dan il-fenomenu.

 

Pero' l-istampa hi agħar f'dak li qed iseħħ fil-Qrati Ċivili fil-ġurisdizzjoni ġenerali u l-Qrati tal-Maġistrati għax is-sitwazzjoni hi tali li fl-umli fehma tiegħi tekwivali għal emerġenza fil-qasam ġudizzjarju li jeħtieġ tiġi indirizzata bl-urġenza meħtieġa.

 

Hu d-dmir tal-Istat li mhux biss jassigura li l-Qrati, swar tal-ġustizzja, waħda mit-tliet pilastri ewlenin għad-demokrazija, jkunu mogħnija b'dak kollu neċessarju biex is-sewwa u d-dritt jitwettqu f'awtonomija u libertà minn kull indħil jew pressjoni iżda li l-ġustizzja titwettaq fil-waqt u fi żmien utili bla ebda dewmien li jista' jiġi attribwit għal sistema li mhix tlaħħaq.  F'dawn l-aħħar snin l-istatistika wriet żieda konsistenti fin-numru ta' kawżi ġodda li qed jitressqu fil-Qrati Ċivili kemm ġenerali u kemm fil-kompetenza Kostituzzjonali tagħhom, però n-numru ta' ġudikanti baqa' kważi l-istess. 

 

Bħalissa hemm għaxar Imħallfin fil-Qrati Ċivili li jidħlulhom kull wieħed u waħda medja ta' 240 kawża ġdida fis-sena. Bħala medja raġonevoli kull Imħallef jaqta' bejn 150 u 200 kawża fis-sena, cioè sentenza kull jumejn. Mhux ser nidħol fil-kwalità tal-istatistika li tinħareġ. In-numri jaqrahom kulħadd.  Però l-istatistika lanqas ma turi stampa ċara u eżatta tax-xogħol kollu ta' ġudikant, li ma tinkludix biss l-għoti tas-sentenzi.

 

Illum kull Imħallef fil-Qorti Ċivili għandu medja ta' xi 500 kawża pendenti fil-lista tiegħu. Il-kwadru li joħroġ minn dan in-numru hi t-tpinġija biblika fuq il-ħajt. Il-Qrati Ċivili llum qegħdin fl-impossibbiltà li jlaħħqu u jwettqu ġudizzju fi żmien raġonevoli b'dak il-volum pendenti. Faċli għal min irid isib ix-xagħra fl-għagina billi jgħid li l-Imħallef għandu jaqta' iktar sentenzi jew isib mezz kif ikun aktar effiċjenti. Soluzzjoni faċli bil-kelma imma fattibbli fiċ-ċirkostanzi? 

Nitlob lill-Istat u kull min hu involut f'dan il-qasam inkluż il-ġudikatura biex issib soluzzjoni, mhux għada imma llum, għax is-sistema fil-qasam ċivili ma tiflaħx tlaħħaq b'dan ir-ritmu u ma' dan il-volum ta' kawżi. Naf li mhux faċli u hemm diversi aspetti x'jiġu kkunsidrati iżda ż-żmien hu kontra kulħadd. Ma inhix ser nipproponi soluzzjonijiet maġiċi imma li nista' ngħid hu li f'isem il-ġudikatura nwiegħed l-impenn sħiħ tagħna għal soluzzjonijiet biex din il-pjaga tittaffa, u biż-żmien u rieda sħiħa, tinqered kif qed tinqered b'impenn u sagrifiċċju l-lista b'lura ta' appelli Superjuri Ċivili u Kummerċjali.

 

U xi ngħidu għall-Qrati tal-Maġistrati? Ħafna minn dawn huma mifnija b'volum enormi ta' xogħol b'diversi speċjalizzazzjonijiet. Il-Maġġo l-parti tal-Maġistrati qegħdin jisimgħu kull tip ta' kawża li taqa' fil-kompetenza tagħhom, kemm kriminali, ċivili u kultant taħlita ta' kawżi fl-istess ġurnata. Iż-żieda ta' Maġistrat fis-sezzjoni ta' vjolenza domestika u kwistjonijiet familjari għenet mhux ftit biex tnaqqas mill-pressjoni fuq Maġistrat wieħed, li waħedha kienet tagħmel dan ix-xogħol kollu għalkemm il-volum għadu hemm. Dan isostni dak li dejjem emmint ċioè qabel ma naqsmu l-Qrati tagħna Inferjuri u Superjuri fi speċjalizzazzjonijiet, u magħha nneħħu din id-distinzjoni li għalija llum hi falza u bla raġuni bejn Maġistrati u Imħallfin, b'kull waħda mill-Qrati mfassla biex takkomoda numru ta' ġudikanti adegwati għaliha, ma aħniex ser nibdew infiqu.

 

Irridu biex nibdew, jitneħħew il-ħafna kawżi mill-Qrati tal-Maġistrati li jistgħu jiġu trattati minn Tribunali jew bordijiet skont il-każ, u dan minħabba n-natura ħafifa u piena żgħira li jġorru magħhom jew għaliex il-kwistjoni tkun waħda aktar amministrattiva milli legali u jekk ikun il-każ jibqa' biss dritt ta' appell quddiem il-Qorti fuq punt ta' liġi.

 

L-akbar ferita però hi l-proċedura u volum ta' inkjesti maġisterjali u kumpilazzjonijiet li jxekklu bis-sħiħ l-operat tal-Qrati tal-Maġistrati. Nifhem li l-Ministru tal-Ġustizzja fi żmien qarib ser joħroġ sejħa għal Maġistrati ġodda u dan sabiex jiena bħala Prim Imħallef inkun nista' nassenja skont il-bżonn xogħol ta' inkjesti lil uħud mill-Maġistrati u b'hekk intaffu l-pressjoni mill-Maġistrati l-oħra kif ukoll jitnaqqas ftit mill-volum pendenti sakemm dawn il-Maġistrati jibdew jirċievu inkjesti ġodda. Dan għalija hu biss l-ewwel pass għax jien inħoss li l-qafas għandu jinbena fuq Awtorità Inkwirenti, li apparti li topera minn binja awtonoma, fiha jinġabru l-bżonnijiet kollha kemm tekniċi u forensiċi li bihom il-Maġistrat Inkwirenti jasal għal konklużjonijiet tiegħu fl-inqas żmien possibbli b'impjegati u esperti professjonali 'full-time' speċjalizzati f'oqsma diversi. Irid ukoll jinstab soluzzjoni fil-proċeduri fl-istadju tal-kumpilazzjoni li wkoll nifhem li ser tinbidel mhux ftit is-sistema kif dawn jitmexxew u li wkoll jiġu mqassra ż-żminijiet għal tmiem dawn il-proċeduri li jwasslu għal smigħ proprju tal-akkużi kriminali.

Din is-soluzzjoni trid pero' tieħu qies Ii jkun hemm l-infrastruttura adegwata biex topera sistema bħal din. Tajjeb li nirranġaw il-liġijiet biex nissimplifikaw u nqassru l-proċeduri biex iwasslu għal ġustizzja li għandha ssarraf f'aktar effiċjenza, però biex dan iseħħ, irid l-ewwel jitqies il-qafas, qabel l-implimentazzjoni tat-tibdil legali. Sistema effiċjenti ma tiddependix biss minn liġi tajba u prattikabbli imma wkoll u aktar importanti li jkun hemm fis-seħħ il-qafas, l-għodda u n-nies li kapaċi u jistgħu iħaddmuha bla xkiel u dewmien.  Il-ġustizzja titlob għaqal. Il-ħeffa u l-effiċjenza tista' twassal għal ġustizzja, però daqstantieħor l-għaġġla biex nirranġaw bla ma nkunu wittejna t-triq minn qabel tista' twassal għal inġustizzja serja kemm ma' akkużat u anke mas-soċjetà li l-liġi qiegħda hemm biex tipproteġi.

 

Fuq tema oħra nixtieq inressaq żewg proposti, waħda forsi aktar sempliċi biex isseħħ mill-oħra. Bħalissa żewġ Imħallfin tal-Qrati Ċivili ġenerali jagħmlu bejniethom ix-xogħol kollu tal-Qorti ta' Ġurisdizzjoni Volontarja jew aktar sempliċi kwistjonijiet dwar ftuħ ta' testmenti, adozzjoni, kurazija, u oħrajn li ma jinvolvux ftuħ ta' kawża. Dan hu volum ta' xogħol kbir li jista' jsir minn ġudikant irtirat u jittaffa piż minn fuq l-Imħallfin tal-Qrati Ċivili li jkunu jistgħu jingħataw xogħol ieħor jew jlaħħqu aħjar ma' dak li diġà mgħobbija bih.

 

Tali tibdil legali jista' jsir faċilment u tkun waħda mis-soluzzjonijiet biex tittaffa l-pressjoni mis-sezzjoni ġenerali tal-Qrati Ċivili.

 

Aktar minn dan, però naħseb li ta' min jikkunsidra b'serjetà bħal ma qed isir dwar il-Qorti Ċivili, Sezzjoni tal-Kummerċ li għandha tissejjaħ Qorti tal-Kummerċ kif inhu xieraq u kif kienet tissejjaħ sa mhux daqshekk żmien ilu, it-tfassil ta' Qorti Amministrattiva li fiha jitressqu kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni pubblika. Bħalissa għandna diversi liġijiet jew artikoli tal-liġi f'liġijiet oħra li jitrattaw speċifikament kwistjonijiet jew tilwim fejn hi involuta l-amministrazzjoni pubblika. L-Ewropa kollha għandha Qorti Amministrattiva, speċjalizzata b'esperti nominati mill-Qrati biex jassistu f'suġġetti tekniċi ħafna li fiha tinkorpora wkoll l-Qorti tal-Appell Amministrattiva. F'Malta it-Tribunal ta' Reviżjoni Amministrattiva jerfa' parti mill-piż tal-kwistjonijiet amministrattivi b'Maġistrat assenjat dan ix-xogħol apparti assenjazzjoni ta' xogħol ieħor, u l-Qrati Ċivili jiddeċiedu fuq aspetti oħra amministrattivi, b'appelli li jmorru wħud quddiem il-Qorti tal-Appell Inferjuri u oħrajn quddiem il-Qorti tal-Appell Superjuri. Il-kwalità u l-effiċjenza ma tistax tintlaħaq jekk nibqgħu naħsbu b'mentalità li ġudikant kapaċi jagħmel ftit minn kollox. Kien hekk meta kellna ftit liġijiet, ftit diversifikazzjoni fil-problemi legali. Illum tant saret mifruxa s-sistema legali inkluż dak kollu li joħroġ mid-direttivi u r-regolamenti Ewropej wara li Malta saret parti mill-Unjoni Ewropea li wkoll jitqiesu bħala parti mis-sistema legali tagħna u sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li għandhom impatt dirett fuq il-liġijiet domestiċi, li hu impossibbli li ngħidu li ġudikant jista' jifhem f'kollox u jqis kull tip u kumplessità ta' kawża fl-istess ħin.  Biżżejjed ngħid li wħud mill-Qrati Ewropej, u mhux neċessarjament dawk l-aktar avvanzati, għandhom dipartiment sħiħ biex iqis direttivi u regolamenti Ewropej li jinkludu anke deċizjonijiet tal-Qorti Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jgħinu lill-ġudikanti jżommu ruħhom aġġornati mal-liġjijiet u deċiżjonijiet li jista' jkollhom impatt fuq deċizjonijiet domestiċi. Aħna ma bdejniex din it-triq għax kull ġudikant irid jaħseb għal rasu ħafna drabi bla għajnuna ta' ħadd ħlief dak li jaqra u jfittex fil-ftit ħin liberu li jkollu waqt li qed jistudja każ biex jasal għas-sentenza.

 

Ser inbiddel ftit is-suġġett. Naqbel li ħafna hu mistenni minna bħala ġudikanti.

 

Wara kollox ħafna drabi persuni kompletament estraneji għalina qed jafdawna bi kwistjonijiet fuq il-libertà tagħhom, il-proprjetà tagħhom, il-ħajja familjari tagħhom, l-għajxien tagħhom, ir-rimedju għal ksur tad-drittijiet fondamentali tagħhom eċċ.

 

Dan il-ħsieb biss, jitfa' fuqna sens kbir ta' responsabbiltà u mar-responsabbiltà hemm l-impenn u s-sagrifiċċju li nagħmlu ħilitna, li ma nonqsux lis-soċjetà, anzi li nimmeritaw il-fiduċja b'għemilna. Biex nagħmlu hekk jeħtieġ nitrażżnu u nitbiegħdu minn kull aġir, hu x'inhu, li jista' jwassal għal imġieba li tagħti lok għal kummenti negattivi.  Hi l-fehma personali tiegħi li għalkemm irridu inkunu nafu x'inhu għaddej madwarna biex ma nkunux maqtugħa mir-realtà tal-ħajja, imma fl-istess ħin ma nistgħux b'ebda mod nipparteċipaw f'ħajja soċjali jew pubblika li b'xi mod nitfgħu għajnejn is-soċjetà fuqna għal kull raġuni mhix xierqa jew kompatibbli mal-pożizzjoni tagħna, speċjalment fi gżira żgħira bħal tagħna fejn ħafna jafu lil xulxin.

 

Il-ħajja pubblika tagħna tesiġi li noqogħdu passejn lura minn dak kollu li hu pubbliku, ħlief meta niġu biex nippronunzjaw ruħna permezz tas-sentenzi fejn il-ġudizzju għandu jkun ċar u bla biża' għall-kritika u b' kuxjenza safja għax magħmul b'għarfien sew tal-liġi għal fatti quddiemna u b'sens ta' ġustizzja u sewwa u umanità, għalkemm anke hawn irridu noqogħdu lura minn kliemna li jista' jweġġa' u jtappan bla ħtieġa. Għandna nkunu iebsin ma min jistħoqqlu imma din mhix liċenzja għal nuqqas ta' rażan speċjalment meta nkunu qed nippresjedu f'awla fejn is-setgħa mogħtija bil-liġi trid tiġi msarrfa bir-rispett muri mill-ġudikanti lejn min jidher quddiemna u bl-umiltà li għandna ġġib magħha din il-kariga ta' servizz. Dan pero' ma jagħti ebda liċenzja lil ħadd li jonqos fl-imġieba tiegħu quddiem il-Qorti. Dan iwassal għas-sanzjonijiet tal-liġi. Aġir ħazin u ta' nuqqas ta' rispett quddiem Qorti minn min hu magħmul iċekken u jdgħajjef lil min ikun naqas u xejn aktar.

 

Mhux faċli li tgħix snin sħaħ bħala ġudikant imbiegħed minn ċerta libertà ta' espressjoni jew azzjoni, b'fommok sieket u b'ħajja privata u soċjali limitata ħafna u fejn l-istess familja tbati miegħek. Pero' dan dħalna għalih b'għajnejna miftuħa. Dan jeħtieġ li jiġi mifhum minn kulħadd u m'għandux jiġi abbużat.  Għalija dan l-istil ta' ħajja u trażżin kontinwu hu l-ikbar ċertifikat għal min irid li jkollu smigħ xieraq bla ebda preġudizzju ta' kwalsiasi natura.

 

Għalhekk hu ta' diżappunt kbir li f'soċjeta' bħal tagħna li ssawret minn valuri sodi ta' missirijietna, flok nisma' kritika kostruttiva li tgħin biex nirranġaw fejn hu dgħajjef jew fejn għal xi raġuni nkunu singolarment jew kollettivament inqasna, nisma' jew naqra dikjarazzjonijiet, kummenti, allegazzjonijiet, u suppożizzjonijiet li mhux biss ikunu bla bażi fattwali jew legali iżda jkun jidher ċar li jkunu mmirati biex iweġgħu lil ġudikant. Hija weġgħa li nisma jew naqra, fuq mezzi tax-xandir, minn ġurnalisti jew opinjonisti, u anke kultant minn uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni pubblika, jew li għandhom xi setgħa jew sehem fil-qasam pubbliku tal-pajjiż, li b'għemilom ikunu qedin joskuraw lill-ġudikant mal-pubbliku, b'mod li jfixkluħ, jdgħajfuħ fid-dmir tiegħu, jew agħar minn hekk fid-dinjità tal-persuna tal-istess ġudikant u familtu. Meta dan isir bi skop qarrieqi u malizzjuż sabiex ixellef u jnaqqar il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikant u fis-sistema ġudizzjarja għal skopijiet oħra moħbija li żgur mhux biex issir ġustizzja, dan huwa ta' min jistmerru. Jekk irridu ġudikatura b'saħħitha tippruvawx tissossaw il-pedamenti.  Logħba perikoluża pero' nassigurakom illi l-korp tal-ġudikatura mhux ser jaqa' għal provokazzjoni jew intimidazzjoni ġejja mnejn ġejja.  Veru aħna tad-demm u l-laħam u nħossu d-daqqa imma xorta ma naqgħux fin-nassa u nirrispondu, imma nibqgħu siekta. Tilludux ruħkom perà li dan sinjal ta' dgħufija imma l-essenza tal-ispirtu ta' dak li hu msejjaħ jiġġudika fuq oħrajn, u aħna s-servizz tagħna nibqgħu nagħmluh bla biża' u bla ma nħarsu lejn l-uċuh.  Min irid jifhem ħa jifhem.

 

Niġi affrontat diversi drabi bid-dilemma għaliex sal-lum ma hemmx uffiċjali tal-media fil-Qorti.  U jien insaqsi, matura biżżejjed bħala soċjetà għal dan il-pass? U jekk ser ikun hemm dan l-uffiċċju min ser jiffinanzjaħ? Min ser ikun responsabbli għalih? Sa fejn għandu jkun hemm interazzjoni mal-media pubblika u soċjali?  Fejn ser naqtgħu linja? Qrati Ewropej għandhom uffiċċju tal-media anzi għandhom dipartiment tal-media.  Għandna bħalissa l-għarfien mhux biss finanzjarju biex ikollna tali set-up?  Meta nsibu r-risposti adattati meħud in konsiderazzjoni l-kultura tagħna Maltija, li bħal kull pajjiż ieħor għandha l-fatti speċie partikolari tagħha, ikun wasal iż-żmien li nikkunsidrawha bis-serjetà li jixirqilha.

 

Mill-banda l-oħra hu importanti u dan dejjem sħaqtu, li l-ġudikatura trid tagħti kont ta' għemilha.  M'aħniex 'il fuq mil-liġi. Għandna dejjem nisimgħu u nitgħallmu minn dak li jingħad dwar il-Qrati u l-ġudikanti, jekk dan jingħad b'sens ta' lealtà u rispett għal sistema ġudizzjarja ġusta, bla preferenzi, fejn kulħadd jieħu li ħaqqu skont ma' trid il-liġi. Hi l-fehma tiegħi li s-servizz li jagħti ġudikant hu wieħed impenjattiv ħafna, bla waqfien u bi ftit jew xejn mistrieħ u b'responsabbiltà kbira li ma nonqsux milli nagħtu lil kull min jiġi quddiemna dak li ħaqqu skont il-liġi u s-sewwa.

 

Il-ġudikant ħaqqu jkun ikkumpensat adegwatement għal dan is-servizz. 

 

Però bl-istess mod, għax aħna kollha bnedmin bid-dgħufija umana għandu jkun hemm struttura soda ta' monitoraġġ u dixxiplina interna biex fejn hemm diffikultajiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati qabel il-problema tikber, u fejn hemm nuqqasijiet dawn ukoll jiġu indirizzati bis-serjetà u severità mistennija.

 

Mhux kulħadd irendi servizz bl-istess mod. Hawn jidħol il-karattru tal-bniedem, il-mod kif jaffronta x-xogħol, il-ħeffa li bih iwettqu u l-impenn tiegħu għal ħalfa li ta quddiem il-poplu u quddiem Alla. Avolja jaqa' fuqi bħala Prim Imħallef li skont il-Kostituzzjoni u l-Kodiċi tal-Proċedura d-dmir li neżerċita element ta' monitoraġġ u dixxiplina fuq il-ġudikanti, però dak li qed nipproponi jien hi sistema jew aħjar pont bejni u l-ġudikanti, awtonoma u ffokata biss fuq ir-rendiment u l-komportament tal-ġudikant. F'dan is-sens nipproponi li tiddaħħal din l-istruttura interna għall Istandards tal-ġudikatura li dmirha jkun li ssegwi f'dettall l-operat tal-ġudikanti f'kull aspett u b'kull kwistjoni li tista' tqanqal attenzjoni partikolari tiġi riferuta lil Prim Imħallef biex ikollu quddiemu l-fatti biex jaġixxi kif imiss skont il-Kostituzzjoni. Bħalissa s-sistema li fiha l-uffiċċju tal-Prim Imħallef irid isegwi l-operat ta' kull ġudikant fost il-firxa kbira ta' xogħol ġudizzjarju, amministrattiv, u Ewropew li mistenni li jwettaq, li jaġixxi ta' pulizija u prosekutur ukoll mhix aktar prattikabbli, apparti li l-uffiċċju tal-Prim Imħallef sal-lum ma għandux set-up amministrattiv biex jgħinu jaqdi l-funzjonijiet varji tiegħu. Dan qiegħed u jikkrea konflitti anke ta' natura negattiva li jistgħu jiġu indirizzati bi struttura bħal dik li qed nissuġġerixxi.

 

Il-Kostituzzjoni diġà tipprovdi li l-Prim Imħallef għandu s-setgħa u d-dover li jressaq nuqqasijiet ta' ġudikant quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u l-istess Kostituzzjoni tipprovdi għal rimedji għal nuqqasijiet sal-akbar sanzjoni tat-tkeċċija.

 

Dak li qed nissuġġerixxi hu illi jekk Prim Imħallef irid jasal għal dan il-pass, irid ikun armat b'fatti aċċertati, indipendenti u oġġettivi. U tifhmunix ħazin, il-monitoraġġ japplika wkoll bl-istess mod għal Prim Imħallef.

 

Ser nagħlaq b'żewġ kwistjonijiet oħra li ħassbuni matul din is-sena. L-ewwel hi dwar  is-sentenzi, l-aktar dawk kriminali, li jqajmu l-aktar interess pubbliku. Isiru ħafna kummenti u artikoli fuq sentenzi li mad-daqqa ta' għajn jidhru Ii ma jagħmlux sens. Min jeħel ħabs u min jeħel sentenza sospiża fuq l-istess tip ta' reat. Tisma' kummenti fis-sens li l-Qrati għandhom ikunu aktar iebsin u jwaħħlu aktar nies il-ħabs.

 

L-ewwel nett reat iġib miegħu piena fejn il-liġi tagħti lill-ġudikant riga ta' minimu u massimu ta' ħabs jew f'ċerti każijiet anke sentenzi sospiżi, ċioè li l-piena ta' ħabs tkun hemm u jekk l-ikkundannat jikkommetti reat ieħor f'ċertu żmien wara dan is-sejbien ta' ħtija, jiskonta wkoll l-ewwel piena. Hu f'idejn il-ġudikant partikolari li meta jiżen il-fatti kollha jiddeċiedi l-piena li jidhirlu mistħoqqa dejjem fil-kejl tar-riga li tagħtih il-liġi. Ma tistax għalhekk tqabbel każ ma' ieħor.

 

L-istess jingħad meta jkun hemm ħelsien minn akkużi għax ikun sar żball proċedurali jew nuqqas ta' provi konvinċenti għal Qorti li qed tiġġudika.

 

Hemm soluzzjonijiet bħal sentencing policy li tista' tkun waħda mfassla internament fil-ġudikatura.

 

Però hemm soluzzjoni oħra. Il-liġijiet isiru mill-Parlament.

 

Jekk il-Parlament li suppost għandu l-polz tal-poplu u qiegħed hemm għall-aħjar interess tal-poplu jrid li ma jkunx hemm daqshekk diskrezzjoni fil-ġudikant fl-għoti tal-piena jew iqis ċertu kwistjonijiet proċedurali li mhux qed iwasslu għal ġustizzja vera għandu s-setgħa jemenda l-liġi biex ma jkunx hemm dawn l-ilmenti li wħud minnhom, ma noqgħodx lura ngħid, jistgħu jkunu aktar milli ġustifikati. Li tikkritika lil ġudikant meta jkun iddeċieda skont il-liġi fid-diskrezzjoni li tagħtih il-liġi ma ser tasal imkien.

 

L-istess japplika għal aktar effiċjenza fi kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u tal-familja. Irridu jitneħħew proċeduri ta' notifika li issa ma għandhomx aktar applikabbli f'soċjetà li dejjem tikber fin-numru, diversità ta' kulturi u lingwi u bdil ta' spiss ta' post ta' residenza u xogħol. 

 

Attenzjoni għal dawn it-tibdiliet, tnaqqis fin-numru ta' kawżi li ġudikant ta' kull kompetenza li realment u umanament jista' jlaħħaq magħhom u adeżjoni għal proċedura kif titmexxa kawża li diġa' hemm provdut fil-liġijiet tagħna u kontroll sħiħ tal-ġudikant fuq il-kawżi u l-awla li jippresjedi, għandhom jagħtu riżultat li ma nibqgħux niġu kkritikati bħala Qrati tad-dewmien iżda Qrati effiċjenti għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom u fejn il-ħarsien tad-drittijiet ikun qed jiġi attwat fis-sħiħ u fid-deher.

 

Nirringrazzja lil kull min għandu verament f'qalbu r-rieda u l-ħeġġa għat-titjib tas-sistema ġudizzjarja għax kull kelma u azzjoni f'waqtha timlina b'kuraġġ u sens pożittiv ta' ħidma fejjieda.  L-isfidi huma kbar imma mhux ser naqtgħu qalbna għax għandna u qed jiżdiedu f'dawn l-aħħar snin elementi b'saħħithom u ta' integrità li jiffurmaw dan il-korp ta' ġudikatura.

 

B'mod personali ħafna, nagħlaq dan id-diskors, billi nagħti ġieħ lill-membri kollha tal-ġudikatura li jsostnuni f'dan is-servizz u nispera li bin-nuqqasijiet tiegħi kollha qed inkun ukoll ta' sostenn għalihom. 

 

Minn qalbi nitlob lil Mulej Alla jgħinna nibqgħu sħaħ mal-ġurament li ħadna u nagħmlu s-sewwa u l-ġustizzja li hi s-sejħa tagħna.

 

Grazzi.​